|
|
Dak li kiteb al-Ħimjarī dwar
Malta qajjem polemika sħiħa. Fuq naħa kien hemm dawk li ma riedu jniżżluha
b'xejn li l-Maltin setgħu warrbu l-fidi Nisranija
għal kważi mitejn sena.
Fuq in-naħa l-oħra kien hemm dawk li, bid-dokument ta' al-Ħimjarī f'idejhom,
sostnew li l-evidenza kienet ċara. Illum għaddew erba' snin
mill-pubblikazzjoni, f'forma ta' ktieb, ta' dan id-dokument qadim, u wasal
iż-żmien li nistħarrġu l-implikazzjonijiet tiegħu fuq l-istorja tal-poplu
Malti u l-ilsien tiegħu mingħajr ma nitbaqbqu żżejjed.
Għall-ħabta
ta' l-1461, kittieb Għarbi bl-isem ta' al-Ħimjarī ħareġ dizzjunarju
ġeografiku bl-isem ta' Kitāb ar-Rawd al-mi'tār fi khabar al-aktār.
Għalkemm dan id-dizzjunarju nstab fl-1931 minn E. Levi-Provencal,
l-istudjużi Maltin ma kinux jafu li kien fih silta dwar Malta qabel ma ġie
f'idejn il-Professur Joseph Brincat (fir-ritratt)
fl-1990. Al-Ħimjarī għex fis-seklu ħmistax u kiteb dwar ġrajjiet li seħħu
f'Malta bejn is-seklu disgħa u s-seklu ħdax wara Kristu. Dan
għamlu mhux għax kien
prużuntuż iżda għax seta' jinqeda b'dak li kiteb ċertu al-Bakrī, li twieled
fl-1020 u miet fl-1094, jiġifieri fl-aħħar perijodu taż-żmien li qegħdin
niddiskutu.
Ma nafux kemm al-Ħimjarī żamm ma'
dak li kien kiteb qablu fuq Malta al-Bakrī, iżda aktarx ma tantx tbiegħed
mit-tagħrif tiegħu. Jekk inhu hekk, allura d-dokument ta' al-Ħimjarī huwa
dokument li ta' min nafdawh u neħduh b'serjetą kbira,
għax fl-aħħar
mill-aħħar huwa miktub minn min għex fiż-żmien li kiteb fuqu.
Meta Sabu l-Għasel
Fis-sena 870 W. K., meta
l-Musulmani niżlu minn Sqallija u ħatfu lil Malta minn taħt idejn
il-Biżantini, al-Ħimjarī jgħid li l-Musulmani ħallew ħerba sħiħa warajhom.
Il-kliem tiegħu, skond kif ittraduċieh Dr. Manwel Mifsud huwa "an
uninhabited ruin". Wara din il-ġrajja tas-sena 870, f'Malta ma baqgħux
jgħixu nies, u kienu jżuruha biss il-bennejja ta' l-iġfna biex jiġbru
l-injam, is-sajjieda biex jistadu, u dawk li jiġbru l-għasel,
għax f'dak
iż-żmien, skond al-Ħimjarī, l-għasel kien l-iktar ħaġa komuni f'Malta.
Fis-sena 1048, mija u tmienja u
sebgħin sena wara li kienu ħaduha taħt idejhom, il-Musulmani fl-aħħar ġew
jgħammru f'Malta. Għaliex ġew ma nafux: jista' jkun li l-popolazzjoni
tal-Musulmani fi Sqallija bdiet tikber ġmielha u nħass il-bżonn li tinstab
art oħra li fiha setgħu jgħixu uħud minnhom. Brincat jgħid ukoll li
l-Musulmani ma baqgħux Malta meta ħaduha taħt idejhom
għax ma kellhomx
bżonnha, ħlief għar-riżorsi tagħha li diġą ssemmew: l-artijiet fin-nofsinhar
u fit-tramuntana tal-gżira kienu t-tnejn taħt idejhom u
għaldaqstant ma
kienx hemm għalfejn jinkwetaw fuqha.
Dwar kemm ġew nies f'dik is-sena
ma nafux, iżda al-Ħimjarī jagħtina ħjiel tal-popolazzjoni ta' Malta ta' sitt
snin wara meta l-Biżantini assedjaw il-gżira u ttantaw jerġgħu jeħduha
f'idejhom. Il-kittieb jgħidilna li fl-1054, f'Malta kien hawn ma' l-erba'
mitt Musulman u iktar minn erba' mitt lsir. Jekk ma dawn l-irġiel inżidu
l-familji tagħhom, iċ-ċifra tqarreb il-ħamest elef ruħ.
Ir-Rawd u l-Ilsien
Malti
L-ilsiera li kellhom il-Musulmani
aktarx li la kienu Musulmani u lanqas Berberi jewarab. Brincat
jissuġġerixxi li kienu Nsara Sqallin, ex-Insara Sqallin, u Slavi, kemm
Insara u kemm mhumiex. Jekk dan huwa minnu inkunu sibna minn fejn ġie ċertu
kliem ta' nisel Semitiku fil-Malti li huwa marbut mar-reliġjon Nisranija:
knisja, qassis, qaddis (imma Santa Marija), u
Nisrani. Dan aktarx ġabuh magħhom l-Insara minn Sqallija li kienu
jitkellmu bl-Għarbi.
Barra minn hekk, jekk naċċettaw
li bejn is-sena 870 u l-1048 ma kien hawn ħadd jgħix fuq Malta, allura jkollna ngħidu li aħna dixxendenti jew ulied il-Musulmani u
l-ilsiera Sqallin u Slavi.
Sa l-1990, l-istoriċi Maltin
kienu jaħsbu li l-Għarab damu Malta mitejn u
għoxrin sena, mit-870 sa l-1090. Skond al-Ħimjarī damu tnejn u erbgħin
sena biss, mill-1048 sa l-1090. Madankollu, importanti ngħidu li meta
l-Għarab ċedew lil Malta lin-Normanni tal-Konti Ruġġieru fl-1090, bħalma
kienu għamlu diġą fi Sqallija, in-Normanni ma keċċewhomx minn Malta u
fil-fatt, il-Musulmani baqgħu f'Malta daqs mija u sittin sena oħra sa l-1249
meta tkeċċew għal kollox. Tant kien hawn Musulmani f'Malta f'dik il-ħabta li
rapport ta' l-1240 ta' l-Abate Giliberto jgħid li kien hawn iktar familji
Musulmani milli Nsara f'Malta. U fl-1249 kienu l-Musulmani li tkeċċew, mhux
l-Għarab. Seta' kien hemm Musulmani li bdew iħaddnu l-fidi Nisranija u
għaldaqstant ma tkeċċewx.
L-ikbar misteru ta' l-istorja ta'
l-ilsien Malti huwa x'kienu jitkellmu n-nies qabel ma tgħallmu l-Għarbi
Sqalli ta' l-Aglabiti. Jidher li ma hemm ebda ħjiel ċar ta' Puniku
fil-Malti ta' llum, u l-argumenti favur sostrat Latin jew Grieg ftit li xejn
irieġu. Jista' jkun li dan il-vojt lingwistiku seħħ minħabba l-qtugħ u
l-bidla drastika li kien hemm fil-popolazzjoni u l-kultura ta' l-abitanti
ta' Malta bejn is-sena 870 u l-1048. Il-ġrajjiet li jikteb fuqhom al-Ħimjarī
jispjegaw għaliex kien hemm bidla hekk sħiħa fil-lingwa.
Barra minn hekk, is-silta dwar
Malta fir-Rawd ta' al-Ħimjarī tispjega wkoll
għliex il-fdalijiet
arkeoloġiċi minn żmien l-Għarab huma kważi ineżistenti. Il-kittieb jgħid li
meta bdew jgħammru fuq Malta fl-1048,
l-Għarab għamluha isbaħ milli kienet qabel ma
ħarbtuha, iżda l-ħakma diretta tagħhom ma damitx iżjed minn tnejn u erbgħin
sena u matulha kellhom iħabbtu wiċċhom ma' assedju kbir u aħrax
tal-Biżantini. Fi tnejn u erbgħin sena, u f'dawk il-kundizzjonijiet,
nissoponu li ma setgħux għamlu wisq,
għalkemm qatt ma tista' tgħid jekk ma
jkollokx xhieda konkreta.
Mistoqsijiet Li
Għad
Iridu Jitwieġbu
L-istudjużi
Maltin ftit li xejn għandhom dubji dwar il-massakru li wettqu l-Musulmani
mill-Maltin fis-sena 870: il-Musulmani għamlu l-istess ħaġa tmien snin wara
f'Sirakuża. Id-dubji huma dwar kemm fil-fatt il-Musulmani qatlu jew kaxkru
magħhom lil kulħadd minn Malta. Possibbli qagħdu jduru u jiflu kull
rokna tal-gżira biex ma jaħarbilhom ħadd? Al-Ħimjarī nnifsu jgħid li
l-Musulmani qerdu l-forti tal-gżira u serqu li setgħu mill-knejjes, iżda ma
jsemmix imkejjen jew massakri oħra. Kien hemm min sostna li
għadd ta' Maltin
setgħu ħelsuha ħafif billi nħbew, ngħidu aħna, fl-għerien. Jekk dan huwa
minnu, u rridu nammetti li jagħmel ftit sens, il-miġja qerrieda
tal-Musulmani fis-sena 870 mhux bilfors qerdet lill-abitanti kollha
tal-gżira minn fuq wiċċ id-dinja. Jista' jkun,
għalhekk, li wħud minn dawk
li jissemmew fiċ-ċifra ta' al-Ħimjarī ta' l-1054 huma nies li ħelsuha ħafif
mill-massakru ta' mitejn sena qabel u baqgħu jgħixu bi kwiethom fuq
il-gżira.
Al-Ħimjarī jgħid li l-Musulmani
kienu jżuru Malta biex, fost l-oħrajn, jiġbru l-għasel. Jekk inhu veru li
fuq il-gżira ma kien fadal ħadd, l-għasel kienu jagħmlu n-naħal waħedhom? U
fl-aħħarnett, al-Ħimjarī jiddeskrivi lil Malta bħala "an uninhabited ruin":
x'ried jgħid biha? Jista' jkun li kien qiegħed jirreferi
għall-Musulmani
biss? Din tista' tkun waħda mill-mistoqsijiet li se jipprova jwieġeb
il-Professur Brincat fil-pubblikazzjoni ġdida li bi ħsiebu joħroġ
fil-ġejjieni qarib dwar dan id-dokument.
©
Adrian Grima
Ippubblikat f'Taħt il-Power Station,
Nru. 2, Marzu, 1996
|
|