|
Osservazzjonijiet Nobbli |
||
|
Riċensjoni |
||
|
|
Il-Ktieb tal-Fenek l-Aħmar ta' Trevor Żahra
Merlin Library Lm0.95 pp 53
Meta l-kittieba jinqdew b'narratur li mhuwiex bniedem biex jirrakkontaw il-ġrajjiet tal-bnedmin ikunu qegħdin ipoġġu lilhom infushom u lill-qarrejja f'pożizzjoni ideali biex jaraw l-affarijiet tas-soltu b'mod ġdid, bħallikieku għall-ewwel darba.
F'dan id-dizzjunarju, jew aħjar "Il-Gideb Sfaċċat u t-Taħwid bla Qies tal-Bnedmin miktub min-Nobbli Fenek l-Aħmar", Trevor Żahra jirnexxilu jdaħħaq u jħasseb fl-istess ħin. Jista' jkun li ma jirnexxilux jolqot lill-qarrejja tfal li għalihom il-ktieb suppost huwa maħsub, iżda forsi dan huwa aktar minħabba n-nuqqas ta' mentalità kritika u l-ħila immaġinattiva tat-tfal Maltin milli għax Żahra huwa maqtugħ mir-realtà.
In-narratur, prużuntuż u mimli bih innifsu kemm tridu, imma dejjem simpatiku, jittawwal lejn id-dinja tal-bnedmin biex jipprova jifhem hu u jfiehem lill-qarrejja tiegħu, jiġifieri sħabu l-annimali l-oħra ta' Wied Peprina. Ir-riżultat huwa dizzjunarju li fih hemm ħafna iktar x'wieħed jifhem u japprezza minn dak li jidher.
Fergħa ewlenija tal-kritika kontemporanja tisħaq li waħdu t-test letterarju ma fihx tifsir: il-qarrejja jridu jaħdmu fuq il-materjal tat-test biex jipproduċuh huma stess. Dan iseħħ l-aktar f'kitbiet letterarji immaġinattivi (jew miftuħin, kif isejħilhom Eco) li min-natura stess tagħhom jistiednu lill-qarrejja biex jagħtu sehemhom aktar. Ngħidu aħna, id-definizzjoni tal-Fenek l-Aħmar tal-kelma Marid tinkludi, fost l-oħrajn, din l-istqarrija: "Min ikun marid tassew joqgħod ġos-sodda. Min ikun marid biċ-ċajt joqgħod id-dar ibajjad jew jiżbogħ." Minħabba li hu fenek, in-narratur ma jafx li din il-ħaġa m'għandekx tgħidha fil-pubbliku, minkejja li kulħadd jafha u tiġri ta' spiss. Il-qarrejja jieħdu gost bil-"logħba" tal-kumment niggież ta' l-awtur imxaħxaħ taħt l-istqarrija "innoċenti" tan-narratur. Jieħdu gost, fost l-oħrajn, għax il-kontribut tagħhom biex tinkixef u fl-istess ħin tibqa' mistura din il-konfoffa tad-diskors huwa determinanti.
Il-Ktieb tal-Fenek l-Aħmar ħareġ l-ewwel darba fl-1986 u kellu jistenna ħdax-il sena biex toħroġ it-tieni edizzjoni tiegħu. Waħda mill-problemi tiegħu hi li l-ortografija li jinqeda biha hija dik ta' qabel ir-riforma li xandret l-Akkademja fl-1992. Ħasra li ma saritx reviżjoni. Min-naħa l-oħra, il-lingwa hija idjomatika, ħajja u sikwit intelliġenti.
L-aħħar punt: Il-Fenek l-Aħmar kontinwament jirreferi għal karattri oħrajn mill-istejjer ta' Wied Peprina ta' l-istess awtur: min ma qarax dawn l-istejjer xorta jista' japprezza dan id-dizzjunarju; min qrahom jista' japprezza aktar ċerti riferimenti, fosthom dawk għan-Nanna Kolina (in-nannakola avversarja tan-narratur li tħares lejn l-affarijiet tal-bnedmin ftit jew wisq bħall-bnedmin).
© Adrian Grima (14.2.98) Riċensjoni ppubblikata fl-Xpress, Nru. 1, Marzu, 1998
|
|