Il-Globalizzazzjoni u d-Drittijiet tan-Nies

 

Il-ktieb Localization – A Global Manifesto (Earthscan, 2000) ta’ l-ekonomista u l-attivista Colin Hines ma joqgħodx idur mal-lewża: Il-globalizzazzjoni hija l-proċess li bih il-gvernijiet qegħdin jitilqu d-drittijiet taċ-ċittadini f’idejn investituri li jispekulaw u korporazzjonijiet transnazzjonali. Dan ifisser li biex il-kummerċ internazzjonali ma jixxekkilx qed jitnaqqru l-pagi, l-istandards fil-ħarsien soċjali u r-regolamenti ambjentali. Ifisser ukoll li madwar id-dinja l-konsumaturi qed ikollhom jiffaċċjaw l-impożizzjoni ta’ monokultura, dik li hemm min iħobb isejħilha l-“MacDonaldizzazzjoni” tad-dinja.

 

Jingħad li l-globalizzazzjoni hija irreversibbli, proċess li ma tistax twaqqfu jew treġġgħu lura, imma dan mhux minnu.

 

Alternattiva Konkreta għall-Globalizzazzjoni

 

L-alternattiva reali li qed jipproponu Colin Hines u oħrajn hija l-“lokalizzazzjoni”, proċess li jiddiskrimina favur dak li hu tal-post, jiġifieri dak li jinsab f’nazzjon jew f’reġjun li jiġbor fih għadd ta’ nazzjonijiet. B’mod ġenerali, il-politika tal-lokalizzazzjoni tħalli l-kontroll ta’ l-ekonomija f’idejn il-komunitajiet u l-istati nazzjonali. B’dan il-mod ikun hemm iktar għaqda fil-komunità, ikun hemm tnaqqis fil-faqar u l-inugwaljanza, u titjib fl-għajxien, fl-infrastruttura soċjali u fil-ħarsien ta’ l-ambjent. Dan kollu jwassal għal sens akbar ta’ sigurtà fin-nies, element li hu importanti ħafna biex in-nies tkun tista’ tgawdi l-ħajja u mhux tgħix f’tensjoni u f’ansjetà kontinwa.

 

Filwaqt li jikkritika l-globalizzazzjoni bl-aħrax, Hines jitkellem favur l-internazzjonaliżmu, jiġifieri ċ-ċirkolazzjoni globali tat-teknoloġija, ta’ l-ideat u l-informazzjoni sabiex jinbnew mill-ġdid komunitajiet lokali sostenibbli. Il-globalizzazzjoni tnaqqas il-barrieri protettivi b’mod sistematiku skond regoli tal-kummerċ internazzjonali mfasslin min-negozji l-kbar biex jaġevolaw lilhom infushom; b’dan il-mod tispiċċa ġġelled il-pajjiżi, il-komunitajiet u l-ħaddiema bejniethom biex dejjem jonqsu l-ispejjeż u jiżdied il-qligħ. æall-kuntrarju, l-internazzjonaliżmu huwa ċ-ċirkolazzjoni ta’ l-ideat, tat-teknoloġija, tat-tagħrif, tal-kultura, tal-flus u ta’ l-affarijiet bil-għan li jipproteġi l-ekonomiji lokali madwar id-dinja kollha u jibnihom mill-ġdid. L-enfasi mhix fuq il-kompetizzjoni għall-irħas prodott, imma fuq il-koperazzjoni biex togħla l-kwalità tal-prodott.

 

Sakemm faqqgħet il-kriżi ekonomika fl-Asja fl-1997, dawk li jemmnu f’din li Hines isejħilha b’mod ironiku “t-teoloġija internazzjonali” tal-globalizzazzjoni kienu jargumentaw li f’dan il-proċess igawdi kulħadd. It-teorija tagħhom tgħid li l-ekonomiji kollha li jieħdu sehem f’dal-proċess tal-globalizzazzjoni jikbru għax il-pajjiżi jispeċjalizzaw f’dak li l-aktar kapaċi jipprovdu u jimportaw il-bqija. Huma jgħidu li għalkemm huwa veru li żdiedet id-differenza bejn min jaqla’ ftit u min jaqla’ ħafna, fl-aħħar mill-aħħar igawdi kulħadd għax tikber l-ekonomija u l-ġid jitqassam waħdu, qisu l-manna.

 

Imma skond Hines il-fatti juru li dan mhux minnu għax mat-tkabbir fil-Prodott Gross Domestiku d-dinja rat żieda fl-inugwaljanza, tnaqqis sistematiku fil-kundizzjonijiet soċjali u ambjentali u telfien tas-setgħa li kellhom l-istati sovrani, il-gvernijiet lokali u ċ-ċittadini. Il-globalizzazzjoni ġabet aktar tbatija għall-fqar u għan-numru dejjem jikber ta’ nies qiegħda u ta’ nies li jaħdmu f’kundizzjonijiet mhux xierqa jew li mhumiex imħallsin kemm suppost.

 

Differenzi tal-Waħx

 

Il-Kumitat tal-ínus Magħquda dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp isostni li d-differenza dejjem akbar fid-dħul bejn is-sinjuri u l-fqar hija konsegwenza ta’ dan il-proċess ta’ delokalizzazzjoni. Skond l-æaqda Dinjija tax-Xogħol, fl-aħħar ħames snin tas-seklu 20 terz tan-nies tad-dinja li riedu jaħdmu, jew kienu bla xogħol jew ma kellhomx xogħol xieraq: din hija l-agħar sitwazzjoni mis-snin tletin tas-seklu 20 ‘l hawn. U minkejja dan, dawk li jappoġġjaw il-globalizzazzjoni jkomplu jgħidu li dan il-proċess qed jirnexxi għax qed joħloq il-ġid, li xi darba se jinħoloq biżżejjed ġid biex id-dinja tindirizza l-problemi ambjentali u soċjali li għandha. Barra minn hekk, il-biċċa l-kbira tal-kummentaturi jsostnu li mhemmx alternattiva għal dan il-proċess, konklużjoni li Hines juri bil-fatti li hi għal kollox żbaljata.

 

æal dawk li jaqblu mal-lokalizzazzjoni, il-kwistjoni ewlenija hija marbuta mad-drittijiet bażiċi ta’ kull persuna. Jekk il-globalizzazzjoni qiegħda ċċaħħad lin-nies tad-dinja mid-dritt li jiddeċiedu dwar l-ikel tagħhom, dwar l-ilbies, dwar il-kenn, dwar l-edukazzjoni, ix-xogħol u l-kura tas-saħħa; jekk qed iċċaħħadhom mill-kultura tagħhom, minn ambjent nadif, minn servizzi pubbliċi ta’ kwalità, mid-dritt għal sigurtà fiżika u għal ġustizzja li hi ‘l fuq mil-liġi, allura m’għandniex x’nambuha. Fil-qalba ta’ dan l-argument hemm id-dritt tan-nies tad-dinja li jieħdu sehem fid-deċiżjonijiet li jaffettwawlhom ħajjithom.

 

Lokalizzazzjoni Globali – Alternattiva Konkreta

 

Kontra dik li hu jsejjaħ it-teoloġija internazzjonali tal-globalizzazzjoni li qed tifga lill-komunitajiet lokali, Colin Hines jipproponi lokaliżmu li jipproteġi u jibni mill-ġdid l-ekonomiji lokali madwar id-dinja. Skond Hines, kulmin jemmen fil-ġustizzja fil-kummerċ dinji jeħtieġ li jisfida l-idea popolari li kulħadd għandu jaċċetta l-kredu tal-kompettività internazzjonali.

 

L-idea li kull nazzjon irid jgħawweġ l-ekonomija tiegħu biex jegħleb il-kompetizzjoni tal-pajjiżi l-oħra hija ħrafa ekonomika, soċjali u ambjentali. F’din l-għamla ta’ gwerra ekonomika bilfors irid ikun hemm it-telliefa. L-alternattiva hija dik li pajjiż jew reġjun jipproduċi dak kollu li kapaċi jipproduċi hu mhux jaqbad u jġib minn band’oħra. Wara kollox, oriġinarjament il-kummerċ kellu l-għan li jikseb il-ġdid: l-Ewropej ma marrux l-Indja għall-faħam, marru għall-ħwawar u għal ħwejjeġ eżotiċi oħra, affarijiet li ma kellhomx f’pajjiżhom. Fil-lokalizzazzjoni, il-kummerċ fuq distanzi kbar isir biss biex jinkisbu affarijiet li ma jinstabux fil-pajjiż jew fir-reġjun li jkun fih. B’dan il-mod jiżdied il-kontroll lokali fuq l-ekonomija u tiżdied il-possibilità li l-ġid fil-lokal jinqasam indaqs. It-teknoloġija u l-informazzjoni għandhom jinfirxu fejn u meta jkunu qegħdin isaħħu l-ekonomiji lokali.

 

Hines jemmen li r-regoli għall-kummerċ fuq distanzi kbar għandhom ikunu dawk tal-moviment internazzjonali tal-kummerċ ġust li jagħti preferenza lil prodotti li jinħadmu b’mod li jgawdu l-ħaddiema, il-komunità lokali u l-ambjent. Jemmen li biex jilħqu l-għanijiet speċifiċi tagħhom, dawk li huma attivi politikament favur id-drittijiet tal-ħaddiema, favur l-ambjent, favur l-annimali u l-bqija jeħtieġ li jqiegħdu l-kampanji tagħhom fil-qafas usa’ tal-lokalizzazzjoni għax inkella jafu jirbħu l-battalja żgħira tagħhom imma jitilfu l-gwerra. L-attivisti favur il-ġustizzja jridu jitolbu direzzjoni u skop ġdid għar-regoli tal-kummerċ, regoli li jridu jgħinu biex jinbnew mill-ġdid u jitħarsu l-ekonomiji lokali li huma sostenibbli.

 

L-idea tal-lokalizzazzjoni mhix li jitreġġa’ l-arloġġ lura, li jitqajjem mill-ġdid il-protezzjoniżmu tas-snin tletin jew tar-reġimi komunisti. Il-verità hi li l-arloġġ qed treġġgħu lura l-globalizzazzjoni għax qed tnaqqas is-sigurtà u l-possibilità ta’ xogħol għal biljuni ta’ nies li kienu raw ħajjithom titjieb wara t-Tieni Gwerra Dinjija. Il-lokalizzazzjoni titlob biss li fejn hu possibbli l-kummerċ ikun lokali. Iktar ma d-distanza bejn min jaħdem u min jixtri tiċkien iktar ikun hemm iċ-ċans li l-konsumatur ikun jaf x’qed jixtri. Barra minn hekk, il-lokalizzazzjoni tal-kummerċ tnaqqas il-problemi kollha marbutin mat-trasportazzjoni tal-prodotti fuq distanzi kbar.

 

L-ingredjenti tal-politika tal-lokalizzazzjoni li jipproponi Hines huma dawn:

  • il-ħarsien ta’ l-ekonomiji nazzjonali u reġjonali mill-importazzjoni ta’ oġġetti u servizzi li jistgħu jinħadmu lokalment;

  • regoli għall-industriji biex jistabbilixxu ruħhom fejn ikunu bi ħsiebhom ibigħu l-prodotti tagħhom;

  • il-lokalizzazzjoni taċ-ċirkolazzjoni tal-flus biex jinbnew mill-ġdid l-ekonomiji tal-komunitajiet;

  • politika dwar il-kompetizzjoni lokali li tara li l-prodotti u s-servizzi jkunu ta’ l-ogħla kwalità;

  • l-introduzzjoni ta’ taxxa fuq ir-riżorsi u taxxi oħra biex tiġi ffinanzjata din it-transizzjoni fundamentali u għalja mill-globalizzazzjoni għal-lokalizzazzjoni, u biex l-ambjent jitħares sew mill-ħsara li tista’ ssirlu;

  • l-involviment tan-nies fit-tmexxija demokratika tas-sistemi ekonomiċi u politiċi lokali;

  • l-għoti ta’ direzzjoni ġdida lill-kummerċ u lill-inizjattivi ta’ għajnuna (aid) biex ikunu jistgħu jinbnew mill-ġdid l-ekonomiji lokali, u biex titwarrab il-kompettività internazzjonali bla bżonn.

 

Sfida hekk kbira lill-poter tal-kumpaniji transnazzjonali u l-finanza globali ma tistax issir minn pajjiż wieħed waħdu iżda jeħtieġ li tibda fl-Ewropa u l-Amerika ta’ Fuq għax huma għandhom il-ħila jegħlbu dawn il-qawwiet kbar.

 

Adrian Grima

Dan l-artiklu deher fil-Ġensillum

 
 
 

Lejn l-Ewwel Paġna | To the First Page