|
Theżżiżiet Ħfief |
||
|
Riċensjoni |
||
|
|
Ħsibijiet Żoroq ta’ Reuben Gauci
Image Systems Ltd. (1998) Lm0.75 pp16
Din l-ewwel pubblikazzjoni taz-żagħzugħ Reuben Gauci nistgħu niddefinuha bħala rumanz qasir ħafna maqsum fi tmintax-il “sekwenza.” Jekk insejħulha “novella” nkunu qegħdin nagħlqu għajnejna għall-firxa wiesgħa ta’ simboli, temi, karattri, u nisġiet sekondarji li jgħammru f’dan ix-xogħol.
It-tmintax-il parti differenti Gauci ma jsejħilhomx taqsimiet, jew kapitli, jew appuntu “partijiet;” isejħilhom “sekwenzi.” F’din il-kelma hemm is-sens ta’ ordni, ta’ affarijiet li jimxu, jew jidhlu wara xulxin, ta’ serje kontinwa. Fil-lingwaġġ tal-films, però, “sekwenza” tfisser silta li fiha jkun hemm għadd ta’ shots dwar ġrajja jew tema partikulari. F’dan is-sens nifhmu li mhux bilfors ikun hemm ordni stabbilit, konvenzjonali, u fi Ħsibijiet Żoroq żgur li m’hemmx ordni fiss (ngħidu aħna, kronologiku).
Simboli
Din it-tieni definizzjoni tgħodd ħafna għall-mod kif Reuben Gauci jorganizza s-sekwenzi u n-narrazzjoni b’mod ġenerali, għax il-protagonista li qiegħed jirrakkonta l-ġrajjiet tiegħu u tal-karattri l-oħra jorbot flimkien il-ħsibijiet u l-ġrajjiet, ħafna drabi permezz ta’ simboli ripetuti, li normalment ma norbtuhomx flimkien.
It-tielet sekwenza, ngħidu aħna, hija maqsuma fi tliet partijiet. Fl-ewwel parti, il-protagonista anonimu (il-protagonisti kollha huma anonimi, għajr għal “X”) li huwa wkoll in-narratur, jirrakkonta l-ewwel laqgħa tiegħu ma’ X, il-maħbuba tiegħu. Is-silta tispiċċa bil-protagonista jistaqsi lil X jekk jistax ibusha. Fit-tieni parti, ħafna iqsar, hemm riferenza għall-mewt ta’ X. Fit-tielet parti, magħmula minn sentenza waħda qasira, X twieġeb il-mistoqsija li biha għalqet l-ewwel parti.
Bintu
F’sekwenzi oħrajn, bħal fit-tlettax-il waħda, hemm parti li fiha l-protagonista jitkellem ma’ X u parti oħra li fiha jitkellem ma’ studenta li tintilef warajh. Il-figura ta’ bintu titfaċċa sikwit f’xeni sekondarji wkoll. Din it-teknika tikxef ir-rabtiet mistura bejn karattri u ġrajjiet li normalment jidhru mifrudin minn xulxin, għax ir-rabtiet bejn sekwenza u oħra, bejn parti u oħra, mhix “teknika” bħalm’hi f’Samuraj ta’ Frans Sammut.
Il-lingwa ta’ Gauci tħallat il-metafora friska, maħsuba (bħal fl-isem), mal-lingwa ta’ kuljum li tiddomina l-biċċa l-kbira tan-narrazzjoni. L-użu mifrux tad-djalogu, tipiku tax-xeni/sekwenzi tal-films, u r-ripetizzjoni tal-kelma “Pawsa,” li tfakkarni fix-xeni (sekwenzi) tad-drammi, huma xhieda ta’ l-istil “drammatiku” ta’ dawn il-Ħsibijiet Żoroq.
Kultant il-karatterizzazzjoni fina u l-lingwaġġ effettiv jitilfu mill-qawwa tagħhom minħabba l-isterjotipi u r-retorika ta’ siltiet bħal dawk li hemm fl-għaxar u fil-ħmistax-il sekwenza. Hemm ukoll għadd ta’ żbalji idjomatiċi u ortografiċi.
Iżda Ħsibijiet Żoroq huwa rakkont interessanti li mhux biss jesplora temi bħall-figura femminili; it-tfulija, il-holm, ir-realtà u l-hrafa; u r-relazzjoni bejn in-nisa u l-irġiel, iżda anki l-lingwa nfisha. Dan kollu Gauci jagħmlu mhux biss b’ċerta kuraġġ iżda anki b’ċerta hila.
© Adrian Grima Riċensjoni ppubblikata fl-Xpress, Nru. 8, Ottubru, 1998
|
|