| |
Li tikteb kanzunetta
għal festival taf tkun ħaġa perikoluża ħafna. Għax l-iskop ewlieni jaf ikun
li tingħoġob mal-ġurija, li taqla' l-applaws ta' l-udjenza.
Għal artist li jixtieq jikteb biċċa xogħol artistika, li jrid jaqbeż iċ-ċint
tal-popolaritą faċli u medjokri, dawn l-iskopijiet ma jagħmlux ġid. L-antiki
kienu jħobbu jsemmu l-muża. Illum din il-kelma tilfet ftit mill-qdusija
tagħha. Iżda l-muża hija l-bidu (u forsi t-tmiem) ta' kull espressjoni
artistika. Mingħajrha m'hemmx arti. Mingħajr dik il-leħħa ta' berqa mentali,
irrazzjonali, tal-ġenn, mhemmx kanzunetta.
Kanzunetta miktuba apposta għal festival għandha mnejn twarrab il-muża,
tneħħi l-ġenn, toqtol l-intwizzjoni, u taqbad triq imfassla apposta minn
qabel. Għandha mnejn taqbad rotta li tkun indrat sew mill-udjenza u
mill-ġurija tas-sena ta' qabel. Iżda jekk ma tkunx ħierġa sinċerament
mill-qalb, tkun vroma, biċċa xogħol li ħaddieħor jaf isejħilha tajba, iżda
li teħel mill-eżami l-kbir u kiefer taż-żmien.
Il-kanzunetti tal-festivals mhumiex dawk li jidħlu għall-festivals iżda dawk
li jmutu mal-festivals għax qatt ma jkunu twieldu: huma kanzunetti li
jirrepetu dak li jkun qal ħaddieħor. Iktar ma jkunu qaluh nies, iktar jieħdu
gost jerġgħu jgħiduh. Għandhom tliet minuti ċans biex jimpressjonaw: mhemmx
lok għal affarijiet mhux tas-soltu, għal dubji veri, għal kisriet strambi,
għal stunaturi mentali. Mhemmx post għall-ġenn, għall-arti. Il-kanzunetti li
jinkitbu għall-festivals iridu jtennu dak li jrid jisma' kulħadd. Ir-riskju
ma tantx hu ħabib tagħhom. Bir-riskju jkunu qegħdin jirriskjaw li ma
jirbħux. Ikunu qegħdin jilagħbu man-nar. L-aħjar it-triq tan-nofs.
L-arti ma toqgħodx għalihom dawn il-kundizzjonijiet. Għaliha mhux kollox
jgħaddi. Kelma qiegħda hemm għax ebda kelma oħra ma toqgħod aħjar minnha
f'dak il-post partikulari, għax ebda kelma oħra ma tgħid dak li jridu jgħidu
l-awtur jew l-awtriċi aħjar. L-istess il-mużika. Kemm se ndumu nisimgħu
l-istess frażijiet, l-istess espressjonijiet ripetuti ad nauseam. Kemm se
jdumu jinqasmu qlub, jiddemmgħu għajnejn, jingħaqdu dinjiet? Kemm se ndumu
nisimgħu dwar il-mirakli li twettaq il-mużika; dwar imħabbiet li allajbierek
qishom tal-lastiku: iġġebbed kemm iġġebbed fihom ma jiġrilhom xejn? Kemm se
ndumu nifirħu bix-xejn?
Ħafna mill-kanzunetti li nisimgħu, u mhux biss dawk Maltin, ma jgħidu xejn.
Kull ma jagħmlu hu li jraqqgħu mill-aħjar li jistgħu l-paraventu li warajh
hemm midfuna l-qalb vera tal-bniedem. Allaħares fil-bniedem hemm dak li
jgħidu li hemm ċerti kanzunetti, għax kieku jkun hawn ħafna iktar nies
imdejqin bihom infushom.
© Adrian Grima (12.2.95)
Ippubblikat fl-Alternattiva |
|