|
Injezzjoni Qawwija |
||
|
|
Il-letteratura Maltija teħtieġ injezzjoni qawwija ta’ perspettivi u kitbiet ġodda. Iżda ma naħsibx, kif jaħsbu xi wħud, li għandna bżonn ta’ rivoluzzjonijiet kbar. Ir-rivoluzzjoni trid isseħħ fina, fil-mod kif aħna li niktbu nġibu ruħna mar-realtajiet lingħixu fihom u mal-kliem, il-materjal ewlieni tal-kittieba.
Għalija li tikteb tajjeb ifisser li qatt ma tieqaf tfittex modi ġodda kif tesprimi dak li qiegħed tħoss u taħseb. Imma jfisser ukoll, u dan jidhirli li hu iktar importanti, li tfittex realtajiet ġodda, għax ħafna drabi lingwa imwaħħla fil-passat taħbi ideat u perċezzjonijiet imwaħħlin fil-passat. Il-problema mhix l-imgħoddi: l-imgħoddi jsir problema jekk il-kittieba mingħalihom qed jaħsbu u jiktbu dwar illum u għada imma l-lingwa tagħhom tikxef li fil-fatt jinsabu fl-imgħoddi.
Naħseb ukoll li hemm bżonn ta’ kultura li tinkoraġġixxi lill-qarrejja Maltin biex it-test letterarju jagħmluh tagħhom. Jekk it-test letterarju huwa tal-qarrejja, allura l-qarrejja jridu jkunu kapaċi “jiktbu.” U l-edukazzjoni tagħna ma tinkoraġġixxi xejn minn dan - anzi tgħallem lill-istudenti li l-letteratura qisha hard disk li minnha trid toħroġ it-tagħrif, jew dizzjunarju ta’ kliem tqil.
Wasal iż-żmien mhux ta’ rivoluzzjonijiet li warajhom ma jħallu xejn partikolarment rivoluzzjonarju iżda ta’ konfront dirett bejn l-awturi żgħażagħ infushom; bejn l-awturi Maltin u awturi barranin, fosthom awturi mediterranji; bejn l-awturi żgħażagħ u awturi barranin stabbiliti li għandhom ħafna x’jgħallmuna, f’kull qasam; u bejn l-awturi żgħażagħ u l-pubbliku Malti in ġenerali.
Jista’ jkun li din l-ittra tiddiżappunta lil min jixtieq jara riċetti aktar ‘radikali’ u ‘rivoluzzjonarji’: naħseb li t-triq hija ftit itwal minn hekk.
© Adrian Grima (Settembru, 1999) Artiklu li deher f’L-Orizzont tal-11 ta’ Settembru, 1999
|
|