INTERVISTA MA’ ADRIAN GRIMA

POETA B’KUXJENZA SODA U ATTIVISTA B’QALB ĠENERUŻA

 
 

                                                                                                

Minn John P. Portelli*

 

(Il-Ġensillum, Malta ‒ L-Aħbar, il-Kanada)

 

Introduzzjoni

 

Għalkemm ilni l-Kanada kważi 29 sena, jiena bqajt naqra kotba bil-Malti, aktar u aktar kotba tal-poeżiji. Fost il-poeti Maltin l-aktar għal qalbi huma Daniel Massa, Oliver Friggieri u Ġorġ Borg. U issa li qrajt il-kitba ta’ Adrian Grima, mingħajr ebda dubju nżid magħhom lil dan l-awtur ħabrieki u prim. Grima studja l-Università ta’ Malta minn fejn kiseb id-dottorat fil-Letteratura Maltija u issa jgħallem il-Malti fil-Junior College u l-Università. Huwa ppubblika diversi kotba fosthom dawk tal-poeziji: It-Trumbettier (1999), The Tragedy of the Elephant (2005) u f’Marzu li għadda, l-aħħar ktieb tiegħu Rakkmu ppubblikat mill-Klabb Kotba Maltin. Grima ppubblika ħafna xogħlijiet oħra fosthom kotba b’ġabriet ta’ poeżiji ta’ awturi Maltin kontemporanji, u artikli akkademiċi u popolari. Barra minn hekk huwa wkoll il-Kap tal-Kumitat Tekniku għal-Letteratura tal-Kunsill Nazzjonali ta’ l-Ilsien Malti u organizza diversi programmi kulturali speċjalment bħala l-koordinatur ta’ l-inizjattiva kulturali Mediterranja Inizjamed. Diversi mix-xogħlijiet tiegħu nqalbu f’lingwi barranin. Il-ktieb It-Trumbettier ġie t-tieni fil-Premio Tivoli Europa Giovani għal kotba ta’ poeżiji ppubblikati fl-Ewropa fl-1999.

 

Hemm diversi kwalitajiet fil-poeżija ta’ Grima li laqtuni: l-ekonomija tal-kliem u l-profondità tal-ħsieb; ritmu mexxej ibaqbaq b’emozzjoni sinċiera; u d-diversità ta’ suġġetti li fuqhom jikteb (bħala eżempju: l-imħabba, sensittività lejn it-tfal tiegħu, il-ħajja Maltija, l-ambjent, it-taqbida tal-batut u l-magħkus, ir-razziżmu, l-ingann politiku nazzjonali u internazzjonali, l-istorja personali u ta’ nazzjonijiet li ħabbtu wiċċhom mat-traġedji ta’ inġustizja).

 

Imma l-aktar ħaġa li laqtitni hija l-mod ċar li bih jesprimi l-kritika u l-assurdità tan-neoliberaliżmu li jenfasizza l-individwaliżmu u l-kapitaliżmu sfrenat, l-essenzjaliżmu sterjotipiku, il-kompetizzjoni żejda, il-patrijottiżmu għami, u n-nuqqas ta’ ħsieb dwar l-ugwaljanza u l-ġustizzja soċjali.

 

Bla dubju l-kitba ta’ Grima toffri t-twaħħid sħiħ ta’ emozzjoni, passjoni, u ħsieb meqjus li minnhom joħroġ messaġġ politiku jew ideoloġiku. Dan ma jfissirx li Grima qisu qabad lawd spijker u tela’ fuq kaxxa f’nofs ta’ misraħ fejn wieħed jisplodi u joħroġ bl-addoċċ minn fommu kulma ntrass ġo fih matul is-snin. Lanqas ma jfisser li l-poeta raffinat sar politikant li l-għan tiegħu huwa biss li b’kull mezz jikseb il-vot jew jikkonverti lil min ma jaqbilx miegħu.

 

Imma min-naħa l-oħra ma jingidimx bil-problema tat-twemmin tan-newtralità fiergħa tal-kitba -- bħallikieku wieħed jista’ qatt ikun tassew newtrali f’kuntest soċjali! Huwa jidher li fehem sewwa li l-pretensjoni tan-newtralità tfisser appoġġ moħbi lill-istatus quo bl-inġustizzji kollha li jkun hemm fih. Għalhekk jesprimi l-emozzjoni u l-ħsieb b’sinċerità unika.

 

Hekk bi kliem mirqum u magħżul tajjeb imma mingħajr inibizzjonijiet għal-lingwaġġ jirrakkonta mumenti ta’ esperjenzi persunali, nazzjonali, u internazzjonali. U fl-istess ħin qalbu u moħħu juruk bla tlaqliq dak li fil-fehma tiegħu mhux ġust jew sewwa: l-indifferenza, il-qerda tal-gwerra, il-kuntradizzjonijiet u l-vizzji tal-burokrazija u l-istabbiliment, in-nuqqas ta’ attenzjoni u rispett lejn l-ambjent, il-liġi li ma tagħrafx is-sbuħija tan-natura, l-abbuż tan-neoliberaliżmu, attitudnijiet li ma jikkunsidrawx alternattivi u jitpaxxew bl-istatus quo mingħajr analiżi, l-ipokresija politika, il-militariżmu, il-ġingoiżmu, ir-razziżmu, u l-għira u l-inġustizzja pulitika.

 

Is-sensittività ta’ Grima toħroġ ukoll f’dawk il-poeżiji fuq mumenti jew episodji sempliċi imma li fl-għajn tal-poeta huma ġrajjiet li għandhom jolqtu l-qalb umana. Hekk fil-poeżija “Jinħela ma’ l-Irdum il-Buful” tista’ ġġib quddiem għajnejk il-viżjoni ċara li joħloq l-awtur b’reqqa kbira u preċiżjoni.

 

L-ewwel darba li bdejt naqra l-ktieb Rakkmu ma stajtx nieqaf naqrah. Bħal donni tlaqqamt bl-enerġija ta’ l-awtur u s-sbuħija tal-kitba. Mill-ewwel laqtuni ċerti poeżiji. U hekk kif wara rġajt qrajt il-ktieb bil-kwiet u b’aktar kalma (u aktar minn darba waħda) xorta waħda laqtuni l-istess poeżiji. Għal aktar infurmazzjoni minn fejn tixtru l-ktieb żuru l-websajt ta’ Grima f’dan l-indirizz: www.adriangrima.com

 

U issa għall-intervista li kelli x-xorti nagħmel ma’ Grima permezz ta’ l-internet.

 

 

Intervista


JPP: Kemm ilek tikteb il-poeżija u kif interessajt ruħek fil-kitba letterarja, b’mod partikulari l-poeżija?

 

AG: Niftakar li bdejt nesperimenta bil-kitba tal-poeżija meta kont student San Alwiġi. Naħseb li kelli xi ħdax jew tnax-il sena. L-ewwel żewġ kitbiet tiegħi kienu poeżiji bl-Ingliż u t-tielet waħda bil-Malti. Kont nipprova nikteb poeżiji umoristiċi. Bqajt nikteb bil-Malti u bl-Ingliż sa meta kelli xi sbatax jew tmintax naħseb. Imbagħad ħadt id-deċiżjoni “politika” jew “ideoloġika,” biex ngħidu hekk, li nikteb bil-Malti biss. Ħadt dik id-deċiżjoni wkoll għax kont inħossni iktar komdu nikteb bil-Malti, minkejja li trabbejt, sa ċertu punt, nitkellem bl-Ingliż u minkejja li l-ambjent ta’ madwari dejjem qalli jew tani l-impressjoni li l-Malti huwa inferjuri għall-Ingliż. Il-Malti, minkejja l-preġudizzji, kien ħafna aktar naturali għalija, ir-ritmi, il-ħsejjes tal-Malti kienu isbaħ f’widnejja.

 

Meta kelli ħmistax bdejt immur għall-privat tal-Malti għand Ġużè Chetcuti. U niftakar qisu l-bieraħ kif id-diskors tiegħu dwar id-drammi ta’ Oreste Calleja u xogħlijiet oħra daħħluni f’dinja ġdida u affaxxinanti ta’ ironija, assurdità, tensjoni, umoriżmu, politika... Permezz ta’ Oreste Calleja u Ġużè Chetcuti rrealizzajt, f’daqqa waħda, li l-letteratura Maltija kellha l-ħila tentużjażmani, kemm intellettwalment kif ukoll emozzjonalment. U dak iż-żmien intbaħt li ridt inkompli nistudja “l-Malti.”

 

JPP: Taħseb li l-ambjent ta’ llum f’Malta għadu jagħti l-impressjoni li l-Malti huwa inferjuri?

 

B’mod ġenerali iva. Naturalment irridu nitħabtu kontra kumpless ta’ inferjorità li ġej mill-fatt li aħna poplu żgħir b’riżorsi limitati.

 

Kultant, però, it-tort huwa ta’ dawk kollha li jagħtu l-impressjoni li min juża l-Malti huwa provinċjali, moħħu magħluq, iffissat... Il-prodott letterarju Malti mhux dejjem jilħaq livell xieraq: jekk joħroġ ktieb tal-qamel bl-Ingliż ma waqgħetx id-dinja għax hemm tradizzjoni kbira li tidfnu taħtha. Imma jekk joħroġ xogħol fqir bil-Malti jagħti impressjoni ħażina ħafna għax lil ċerti nies li diġà għandhom il-preġudizzji tagħhom isaħħilhom il-fehma stupida li xogħol bil-Malti bilfors ikun inferjuri.

 

Ir-responsabbiltà fuqna lkoll hija kbira. U l-klassi politika u l-mezzi tax-xandir għandhom ħtija kbira.

 

JPP: Liema mix-xoghlijiet tieghek hu l-aktar ghal qalbek?
 

AG: L-ewwel ktieb tiegħi, It-Trumbettier, ġabra ta’ 41 poeżija bil-Malti bi traduzzjonijiet għall-Ingliż u għadd ta’ tpinġijiet ta’ Raphael Vella u Adrian Mamo, ħareġ fl-1999. Kien ilu lest, tista’ tgħid, mill-1995, imma l-pubblikaturi qagħdu jgħadduni biż-żmien, kif jagħmlu b’ħafna kittieba. Il-poeżiji li hemm fih inkitbu bejn l-1989 u l-1995. Għadhom għal qalbi ħafna għalkemm ovvjament ma naranix nikteb aktar bħalhom. Dan l-aħħar stednuni Perugia biex naqra l-poeżiji tiegħi u ħadt gost ħafna naqra wħud minnhom li ntlaqgħu tajjeb.

 

Il-poeżiji bil-Malti f’It-Trumbettier intlaqgħu tajjeb – il-verżjonijiet bl-Ingliż ma tantx. U minn hemm ħadt id-deċiżjoni li ma ninvolvix ruħi fit-traduzzjonijiet tax-xogħol tiegħi għall-Ingliż, jekk mhux biex nipprovdi traduzzjoni letterali intermedjarja. It-Trumbettier ġie t-tieni fi premju importanti Ewropew għal kotba ta’ poeżiji ppubblikati f’dik is-sena u dak l-għarfien għamilli l-qalb. Għat-tnedija tal-ktieb kien hemm sala mimlija nies – u wara kellmuni ħafna persuni biex jgħiduli kemm għoġbithom it-tali poeżija... Kienet esperjenza pożittiva ħafna, għalkemm ħassejt li ħafna mir-rikonoxximent “pubbliku” kellu jiġi minn barra minn Malta u dan eventwalment ġibed l-attenzjoni ta’ nies f’Malta li huma midħla tal-letteratura.

 

Rakkmu huwa għal qalbi ħafna. Imma ma tantx norbot qalbi ma’ dak li nkun xandart għax inkun moħħni fix-xogħol il-ġdid. Bħalissa l-iktar xogħlijiet għal qalbi huma “Bħal Vuċi Oħra ġo dil-Konfużjoni” u “L-Ewwel Frejgatina,” poeżija lirika u ta’ mħabba u oħra politika u ironika.

 

JPP: X’differenzi hemm bejn il-poeżiji fi Trumbettier u Rakkmu?

 

Din diffiċli! Inħossni viċin wisq ta’ dawn il-poeżiji biex inkun nista’ nosservahom oġġettivament, minkejja li jien imħarreġ fil-kritika letterarja. Forsi x-xogħol ta’ Rakkmu huwa iktar stilistikament u tematikament kumpless...


JPP: X’tip ta’ ostakli tħabbat wiċċek magħhom bħala kittieb f’Malta? U kif irnexxielek tirbaħ xi wħud minn dawn l-ostakli?

 

AG: Iktar ma nisma’ u nara x’hemm f’pajjiżi oħra, iktar inħoss li f’Malta m’għandniex “kultura letterarja.” M’għandniex rivisti letterarji. M’għandniex biżżejjed kritiċi letterarji u ftit li xejn għandna min kapaċi jikteb reċensjoni ta’ livell ta’ ktieb tal-letteratura. Ħafna drabi r-reċensjonijiet jaslu sa l-ovvju, u ġieli lanqas s’hemm ma jaslu. Fuq kollox fl-istituzzjonijiet tagħna u fil-mezzi tax-xandir mhemmx kultura letterarja: il-ġurnalisti u l-politiċi tagħna rari jirreferu għal-letteratura, u meta jagħmlu xi referenzi ħafna drabi jaqgħu fuq dak li tgħallmu meta kienu l-iskola - u dawn il-ftit kummenti kultant huma infantili. L-unika eċċezzjoni importanti fost il-politiċi hija Dr. Alfred Sant, il-Kap tal-Partit Laburista, li kull nhar ta’ Ħadd jikteb kolonna interessanti bil-Malti dwar xogħol letterarju jew film f’gazzetta lokali.

 

F’ċerti ċrieki, il-letteratura Maltija hija meqjusa bħala l-ghetto ta’ ftit iffissati. F’dan is-sens għandi kurżità kbira kif se jintlaqa’ l-ktieb ta’ novelli ta’ Clare Azzopardi Il-Linja l-Ħadra li tnieda fis-6 ta’ Lulju, għax f’pajjiż b’kultura letterarja ktieb bħal dan kapaċi jqajjem diskussjoni interessanti. Nissuspetta li fil-gazzetti se jingħata l-ispazju li jingħataw kotba medjokri. Se tintilef opportunità oħra, minkejja li kotba letterarji ta’ kwalità bħal dan joħorġu wieħed jew tnejn fis-sena.

 

Ħafna mill-preżentaturi tal-programmi fuq ir-radju u t-televiżjoni f’Malta huma illitterati fejn tidħol il-letteratura Maltija. U nafu li ma tistax tagħti minn dak li m’għandekx.

 

Barra minn hekk, għandna l-problema wkoll li ċerti “kittieba” jiktbu bla ma jaqraw u bla ma joftqu x-xogħol tagħhom biċċa biċċa. Il-pubblikaturi mbagħad jaħdmu f’sitwazzjoni diffiċli u m’għandhomx l-infrastruttura li għandhom pubblikaturi ewlenin barra minn Malta biex jeditjaw il-kotba...


Jien jirnexxili negħleb uħud minn dawn l-ostakli billi naħdem ma’ nies oħra, speċjalment fi ħdan Inizjamed, li huma kapaċi ħafna, li b’xi mod ipattu għan-nuqqas ta’ kultura letterarja aktar mifruxa.

 

Irrid ngħid li mhuwiex veru li l-Maltin ma jaqrawx. Ħafna nies jibdew jaqraw wara li jispiċċaw l-edukazzjoni formali tagħhom. Imma din l-enerġija u din il-kultura ta’ qari ma nsarrfuhiex f’dik li qed nipprova nsejħilha “kultura letterarja,” anki għaliex is-soċjetà in ġenerali ma toffrix spazju għal diskors dwar il-letteratura.

 

JPP: Jista’ jkun li dan in-nuqqas ta’ kultura letterarja jitnibbet fl-iskejjel minħabba enfasi formali fuq l-eżamijiet? U tgħid din hi marda tagħna li writna kaġun tal-kolonjaliżmu jew qed nesaġera?

 

Ma nafx. F’Malta l-letteratura hija meqjusa bħala kompartiment maqtugħ għalih, mhux mod kif taħseb, kif tħoss, kif iġġarrab il-ħajja, kif tipprova tifhem, kif tivvjaġġa fid-dinja lilhinn minn ċirku dejjaq tiegħek, jew fl-intimità ta’ l-essri tiegħek... Meta kont Perugia dan l-aħħar fid-diskussjonijiet, kienu fuq xiex kienu, dejjem kien hemm riferimenti għal-letteratura, kemm jekk konna qed nitkellmu dwar kwistjonijiet soċjali u ekonomiċi, u kemm jekk konna qed nitkellmu dwar esperjenzi tal-ħajja ta’ kuljum. F’Malta dan jiġri f’ċirku ristrett ta’ nies. Il-letteratura mhix parti mill-mod kif nifhmu u ngħixu l-ħajja.


JPP: Il-kotba tal-poeżija f’Malta ma tantx jimxu tajjeb. Xi jħajrek li tkompli tikteb u tippublika?
 

AG: Jien nikteb għax inħoss il-bżonn li nesplora l-emozzjonijiet u l-esperjenzi li ngħaddi minnhom jien u li jgħaddu minnhom bnedmin u ħlejjaq oħra. Mingħajr il-kitba ma nkunx nista’ niffaċċja r-realtajiet li ngħix, il-mistoqsijiet li ma nistax inwieġeb, l-assurditajiet li nħabbtu wiċċna magħhom kontinwament. Hemm ukoll l-eċitament tal-kreazzjoni, li qed noħloq xi ħaġa mix-xejn, li bnejt xi ħaġa unika.

 

Meta naqra letteratura sabiħa (għadni kemm qrajt The Same Sea ta’ Amos Oz u issa qed naqra Le Pietre di Pantalica ta’ Vincenzo Consolo) ninħakem mix-xewqa kbira li nikteb bħalha, jew nitnebbaħ minnha. Dan l-aħħar iltqajt ma’ wħud minn sħabi ta’ Inizjamed biex naqraw u niddiskutu dak li qegħdin niktbu bħalissa. Il-kummenti ta’ sħabi noħodhom bis-serjetà ħafna għax naf li mhux biss huma nies sensittivi imma wkoll kapaċi.

 

Inħoss li l-poeżija kapaċi tartikola l-emozzjonijiet, il-mumenti, l-impressjonijiet u l-esperjenzi li nħoss il-bżonn li nirrakkonta iktar minn kull ġeneru letterarju ieħor. Qed nesperimenta wkoll bin-novella – u bħalissa qed naħdem fuq xogħol li nitttama li nlesti ma ndumx – u dejjem noħlom li nikteb rumanz. Imma dawn proġetti tal-futur li kapaċi jitħarbtu jekk niżviluppa poeżija narrattiva li tixbah ix-xogħol ta’ l-Irlandiż Ciaran Carson. Qed nieħu gost ukoll nikteb proża (u kultant poeżija) għat-tfal ta’ madwar 9-10 snin.


JPP: Jiena qrajt diversi mix-xogħlijiet tiegħek. Huwa ċar għalija (u fil-fehma tiegħi, hekk hu xieraq) li l-poeżiji tiegħek (kemm individwali u kemm bħala kollettiv) għandhom messaġġ soċjali kemm għall-kuntest Malti kif ukoll għal dak internazzjonali.
 

AG: Inħossni li ma nistax ma niktibx dwar dak li jippreokkupa lili. Hawn min jikteb biss dwar dak li jiġri lilu u hawn min jippreferi ma jiktibx dwar temi soċjali u politiċi għax b’xi mod iħoss li mhux posthom fil-poeżija. Jien ma nippruvax nifred il-personali mill-pubbliku, l-individwali mill-kollettiv. Dak li qed jiġri lill-Palestinjani llum, ngħidu aħna, iweġġagħni, mhux bħala politiku jew bħala akkademiku imma bħala bniedem li jħoss u jinkwieta u jissara ma’ l-assurditajiet inkredibbli li rridu niffaċċjaw il-ħin kollu.

 

Tista’ ssejjaħlu messaġġ soċjali jekk trid, imma għalija. din il-preokkupazzjoni b’dak li nara u nisma’ madwari hija parti mill-esperjenzi personali tiegħi. Il-poeżija tiegħi “Ramallaħ,” per eżempju, li minnha ħareġ l-isem tal-ktieb Rakkmu, hija wkoll tentattiv min-naħa tiegħi li nirrakkonta, u forsi b’hekk niffaċċja, il-vjolenza, l-inġustizzja, l-indifferenza, il-martirju sieket, tellief imma rebbieħ fl-istess ħin. Omar Barghouti jgħid li fix-xogħlijiet tiegħi hemm sensittività għad-dettalji li taħfen u tfisser l-emozzjoni, “the humanness of the moment.” L-istejjer il-kbar naħseb li dejjem nipprova nirrakkontahom billi nirrakkonta l-istejjer iż-żgħar ta’ individwi li wara kollox huma d-demm u l-laħam fil-ġrajjiet il-kbar li ħafna drabi jgħaddu minn quddiemna qishom żiffa.

 

JPP: M’hemmx dubju li tassew irnexxielek tagħġen ir-rakkonti partikulari ma’ temi kbar umani -- u dan għamiltu b’sinċerità u passjoni. Kull darba li naqra l-poeżija “Ramallah” ġismi jqum xewk, xewk. Għalkemm diġà naf x’ġej, hemm dejjem aspett ġdid u emozzjoni qawwija li tgħaqqadni mal-ħajja, it-tbatija, il-mewt, u t-tama tan-nies Palestinjani li fuqhom tikteb.

 

Kellek xi influwenza partikulari minn kittieba Maltin jew barranin? Għandek xi awturi aktar għal qalbek?
 

AG: Peress li jien speċjalizzajt fil-letteratura Maltija, nimmaġina li l-influwenza ta’ l-awturi Maltin tinħass sew, għalkemm ma nafx kienx hemm kittieba jew xogħlijiet li influwenzawni iżjed minn oħrajn. Kultant nagħmel allużjonijiet għal xogħlijiet partikulari. F’vers f’“Ramallaħ,” ngħidu aħna, hemm allużjoni ċkejkna imma intenzjonata għall-poeżija “Il-Bejjiegħ tal-Gazzetti” ta’ Ġorġ Borg. Fost il-ġenerazzjoni l-ġdida ta’ kittieba Maltin, Henry Holland huwa wieħed mill-poeti l-aktar interessanti minkejja li ftit li xejn huwa magħruf. Hemm ukoll il-kittieba ta’ Inizjamed u oħrajn bħal Immanuel Mifsud.

 

Gabriel Garcia Marquez jibqa’ wieħed mill-favoriti nett tiegħi. Wieħed mir-rumanzi li għoġbuni ħafna f’dawn l-aħħar snin kien White Teeth ta’ Zadie Smith. Laqtutni wkoll il-poeżiji taċ-Ċiprijott Stephanos Stephanides, ta’ l-Irlandiża Sinéad Morrissey, ta’ l-Iżraeljan Ronny Someck, u l-Iskoċċiż Kevin MacNeil. Meta żort il-Kroazja u l-Bosnja Ħerżegovina qrajt għadd ta’ xogħlijiet dwar il-gwerer tal-Balkani u impressjonani partikolarment ix-xogħol tal-Bosnijaku Emir Suljagić u l-Kroata Slavenka Drakulić.

 

Jinfluwenzawni wkoll, fost l-oħrajn, ix-xogħlijiet akkademiċi u politiċi ta’ Edward Said, Noam Chomsky, Arundhati Roy, u Amal Treacher.


JPP: Dawn ir-referenzi ta’ l-aħħar ifakkruni meta kont qed nistudja fl-Università ta’ McGill f’Montreal. Fil-fatt fl-1978 kelli x-xorti nattendi seminars għal ġimgħa minn Chomsky f’Boston wara li taħt id-direzzjoni ta’ Professor Harry Bracken kont studjajt fil-fond ix-xogħol politiku u lingwistiku ta’ Chomsky. Dak kien żmien!

 

Kif intlaqgħu l-kotba tiegħek tal-poeżija bil-Malti kif ukoll dawk bi traduzzjonijiet tax-xogħol tiegħek?

AG: F’Diċembru ta’ l-2005, ħareġ The Tragedy of the Elephant, bi traduzzjonijiet għall-Ingliż ta’ wħud mill-poeżiji tiegħi, bħala parti mis-sensiela ta’ sitt kotba Contemporary Maltese Literature in Translation ippubblikati minn Inizjamed u Midsea Books. Naħseb li l-fatt li ħafna mit-traduzzjonijiet għamlithom Maria Grech Ganado kien fattur determinanti biex dan il-ktieb jintlaqa’ tajjeb. Ix-xogħol tat-tradutturi l-oħrajn, fosthom Albert Gatt u Antoine Cassar, intlaqa’ tajjeb ukoll.

 

Jien u naħdem fuq din is-sensiela rrealizzajt kemm hu diffiċli li ssib min kapaċi jagħmel traduzzjonijiet letterarji, poetiċi, li jżommu l-attitudni irreverenti, sovversiva, romantika li kien hemm fl-oriġinal bil-Malti. Irridu nrawmu ġenerazzjoni ġdida ta’ tradutturi kapaċi u fl-istess ħin naħdmu mill-qrib ma’ edituri barranin li kapaċi jirrevedu t-traduzzjonijiet li jsiru hawn Malta.

 

Il-problema ta’ din is-sensiela li ppubblikajna hija li minkejja li hija attraenti ħafna fid-dehra (minħabba d-disinn b’saħħtu ta’ Pierre Portelli) tal-ħwienet ma tantx jemmnu fit-traduzzjonijiet tal-letteratura kontemporanja Maltija u għalhekk aktarx jidfnuhom f’xi rokna tal-ħanut fejn it-turisti mgħaġġlin jew il-qarrejja barranin ma jaslux. U għad m’għandniex sistema biex inqassmu dawn il-kotba barra minn Malta, lanqas fil-pajjiżi fejn emigraw ħafna Maltin. Dawn huma ostakli serji.


JPP: Tassew ħasra għax mingħajr it-traduzzjonijiet ix-xogħol tal-Maltin, għalkemm jista’ jkun ta’ livell għoli, ma jintlaħaqx ’il barra minn Malta. Forsi bl-iżvilupp tal-websajt u x-xogħol internazzjonali li inti u sħabek qed tagħmlu, dan jibda jinbidel għat-tajjeb. X’fehma għandek dwar il-futur ta’ l-ilsien Malti?

AG: Sakemm il-Malti jibqa’ l-lingwa li biha nirrakkontaw lilna nfusna u d-dinja ta’ madwarna l-Malti għandu futur sabiħ. Iżda xejn ma jsir waħdu. Kollox jeħtieġ l-ippjanar u d-determinazzjoni. Mhux bil-ksenofobija u r-razziżmu lebsin il-maskra ta’ patrijottiżmu taparsi imma bl-enerġija kreattiva ta’ komunità li tieħu gost tikkrea lingwa ġdida kuljum billi tibni fuq il-wirt straordinarju ta’ l-elf sena tal-Malti.

 

JPP: Sintendi dan huwa marbut ukoll ma’ kemm bħala poplu nirbħu l-fehma żbaljata li ilsna oħra jservuna aħjar mill-Malti. Jiena issa ilni kważi 29 sena l-Kanada fejn tista’ tgħid mija fil-mija ħdimt bl-Ingliż minħabba x-xogħol u ktibt diversi kotba akkademiċi bl-Ingliż. Imma l-ħsejjes li joħloq il-Malti ma nibdilhom ma’ xejn.

 

Nirringrazzjak ħafna tal-ħin li ħadt għall-intervista. Nispera li xogħlok ikompli jimxi ’l quddiem. Nirringrazzjak ukoll tal-poeżiji, u tax-xogħol tiegħek f’isem il-ġustizzja soċjali. Forsi xi darba jkollna x-xorti niltaqghu l-Kanada fejn tkun tista’ tippreżenta x-xogħol tiegħek.

 

 

*Din l-intervista dehret fi tliet partijiet fil-gazzetta Il-Ġensillum (19.8.06, 26.8.06, 2.9.06) u fil-ħarġa ta' Ottubru 2006 tal-ġurnal tal-Maltin tal-Kanada li joħroġ f'Toronto, L-Aħbar. Il-Prof. John P. Portelli jikteb regolarment f'din ir-rivista.