Adrian Grima

 
 

Theżżiżiet Ħfief

Riċensjoni

 

Kriżi fil-Kitba Teatrali f’Malta

Edizzjoni ta' Vicki Ann Cremona, Marco Galea u Immanuel Mifsud 

 

L-Università ta' Malta, 1998

 

Nhar il-25 ta’ April, 1998, waqt konferenza dwar it-teatru politiku f’Malta quddiem pubbliku li daħal sew fid-diskussjoni iżda seta’ kien aktar numeruż, l-Università ta’ Malta ppreżentat il-ktieb li għadha kemm ħarġet dwar Il-Kitba Teatrali f’Malta: Hemm Xi Kriżi? editjat minn Marco Galea, Vicki Ann Cremona u Immanuel Mifsud. Dan il-ktieb jiġbor fih l-atti tal-konferenza bl-istess isem li kienet saret fl-1 ta’ Marzu, 1997.

 

Fid-daħla tiegħu, Immanuel Mifsud jgħid li skond uħud, it-teatru f’Malta jinsab għaddej mill-akbar kriżi tiegħu minħabba n-nuqqas ta’ skripts u drammaturgi ġodda. Min-naħa l-oħra, kif ħareġ ukoll mid-diskussjoni li qamet waqt il-konferenza aktar riċenti dwar it-teatru politiku, jidher li hemm interess li dejjem qiegħed jikber f’espressjoni teatrali alternattiva. Skond Mifsud, f’dan il-ktieb, Frank Camilleri “jagħtina x’nifhmu li t-tendenzi anti-test u anti-awtur tat-teatru ta’ riċerka ħafna drabi jsarrfu f’kitba ta’ testi differenti, fejn huwa l-ġisem stess ta’ l-attur jew l-attriċi li jinbidel f’test minnu nnifsu.”

 

Marco Galea, illum meqjus bħala l-istoriku ewlieni tat-teatru f’Malta, jinnota li fl-istaġun 1996-97 reġa’ ma ttella’ ebda dramm ġdid Malti fit-teatru nazzjonali tagħna, it-Teatru Manoel. Kif jgħid it-titlu ta’ l-intervent tiegħu, għal Galea il-kitba għat-teatru Malti hija “storja ta’ pannu u qara’ aħmar.”

 

Fil-kontribut tiegħu dwar “Ansjetà u Anestesija fil-Labirinti tat-Teatrin: Diskors dwar Demel u Drammi,” Oreste Calleja jsostni li minkejja li għaddew tletin sena mill-Indipendenza, il-kultura f’Malta għadha f’limbu. “Ħriġna mit-Tielet Dinja imma ħallejna l-kultura zzappap warajna. Għax kultura bla teatru – bla teatru indiġenu, teatru intimu u proprju – hija kultura mmankata, sottożviluppata u retrograda.” Jekk ma jkunx hemm tiġdid fil-kitba għall-palk Malti, Calleja jistaqsi: “X’mostru nistennew li joħroġ mil-labirint – x’għaġeb jista’ jitwieled – jekk ħlief nitqaħħbu fis-sodda ta’ palk barrani ma nagħmlux?”

 

Il-Kitba Teatrali f’Malta: Hemm Xi Kriżi? (Malta University Press, 1998, ¤2 pp85) fih ukoll kitbiet ta’ Vicki Ann Cremona (Premessa teorika), Ġorġ Peresso (ir-radjudramm), Lino Grech (it-teledramm), Charles Clews (it-teatru komiku), Martin Gauci (id-dramm tal-passjoni), George Cassola (it-traduzzjoni), u Ġużè Diacono (riflessjonijiet ta’ drammaturgu ewlieni). Bil-qari ta’ dan il-volum, id-diskussjoni tkompli u forsi nibdew naħsbu biex noħorġu minn ġos-sodda li mhix tagħna.

 

© Adrian Grima (23.5.98)

Riċensjoni ppubblikata fl-Xpress, Nru. 5, Lulju, 1998

 


 

Lejn l-Ewwel Paġna | Back to First Page