|
Theżżiżiet Ħfief |
||
|
Riċensjoni |
||
|
|
L-Aħħar Rími ta’ Victor Fenech
PIN (1997) Lm2 pp74
Il-poeżija u l-poeproża miġbura f’L-Aħħar Rími nkitbet bejn l-1987 u l-1997. Iżda Victor Fenech, wieħed mill-protagonisti tal-kitba l-ġdida ta’ wara l-Indipendenza, ma jippruvax jostor ir-rabtiet profondi tiegħu mas-sittinijiet. Iktar minn kull ħaġa oħra tinħass l-ideoloġija li assorba minn dan il-perijodu storiku, ideoloġija soċjo-politika u ideoloġija poetika jew artistika. Ir-riferimenti għal Kennedy, għal Marilyn Monroe, għall-Vjetnam, għal Cummings, għall-Black Mountain Poets u għall-poeti tal-beat generation huma indikazzjoni tal-preżenza ta’ dan il-wirt.
Il-ktieb huwa maqsum fi tliet taqsimiet: Mustaxija (b’qima u b’sogħba għall-Ambjent), O Mħabba! u Pilatu, xogħlijiet dwar dinja miżgħuda b’nies li jaħslu idejhom (x’dinja ta’ Pilati din!). Fl-ewwel taqsima l-poeta josserva u jirrifletti fuq il-qerda ta’ l-ambjent naturali Malti (u kultant l-ambjent naturali dinji). Din it-tema tmur lilhinn mill-konfini ta’ taqsima waħda: it-titlu; il-kulur aħdar tal-qoxra u t-tpinġija ta’ Rigby Graham li hemm fuqha; il-qawwa espressiva tax-xogħlijiet fl-ewwel taqsima; u anki xogħlijiet (bħal “L-Ajkla”) jew partijiet minnhom (bħal “Misteru”), li jidhru fiż-żewġ taqsimiet l-oħra, huma xhieda ta’ din il-preokkupazzjoni u dan in-niket tal-poeta.
Ir-riflessjonijiet ta’ Fenech dwar l-ambjent huma dawk ta’ bniedem li jħossu qiegħed iġarrab hu stess l-istupru ta’ l-ambjent naturali. Mhumiex riflessjonijiet “militanti” (kelma li m’għadhiex moda), fis-sens li l-poeta ma jippreżentax il-kumplessità morali, soċjali u politika tal-kriżi ambjentali. Il-poeta ma jippuntax subgħajh lejn l-istupraturi, jiġifieri l-iżviluppaturi u dawk li jakkomodawhom, u lejn dawk kollha, aktarx il-maġġoranza tal-Maltin, li jassistu għall-istupru b’idejhom fuq żaqqhom u kultant igergru ftit. Il-kompliċità passiva li Fenech jiddeplora fl-aħħar taqsima, u li jakkuża anki lilu nnifsu biha, hija l-istess kompliċità li wasslet biex iseħħ dan it-tħarbit salvaġġ bil-barka tal-Maltin Indipendenti. Diskors deklamatorju bħal dak ta’ “Framment għall-Ambjent” jinħass komdu u “rħis” ħdejn l-inċiżività tal-poeproża “Kaċċa-genn” u t-tieni u t-tielet moviment ta’ “Kunċert għall-Ambjent.”
Fenech jinqeda ripetutament bil-metafora ta’ l-istupru, iżda minflok titlef mill-qawwa tagħha minħabba r-ripetizzjoni, din il-metafora tikseb tifsiriet ġodda permezz ta’ kuntesti differenti, partikolarment meta ma tibqax metafora (“Kunċert għall-Ambjent,” “Kaċċa-genn,” “Ruħ Spanja,” “Ginsberg,” u “Sarajevo”). F’Malta, imma mhux biss f’Malta, nitkellmu dwar l-istupru ta’ l-ambjent għax inħarsu lejn in-natura, lejn l-art, bħala mara. Din il-metafora għandha għeruq fondi fil-Mediterran kollu.
Waħda mill-isbaħ poeżiji f’L-Aħħar Rími hija “Requiem I,” poeżija mimlija emozzjoni qawwija imma mrażżna b’mod li taqraha kemm taqraha dejjem toffrilek spunti u emozzjonijiet ġodda u awtentiċi. It-tqanqil sinċier, “għarwien” ta’ l-imħabba donnu joħroġ l-aħjar meta l-poeta jikteb fl-isfond tat-telfien tal-maħbuba. Apparti l-kwalitajiet ta’ “Requiem I,” “Nekromanzija” għandha wkoll ritmu effettiv, metafori u xbihat friski, u tmiem li jġiegħel lill-qarrejja jinterpretaw il-poeżija mill-ġdid.
L-Aħħar Rími ma jixirqulux l-iżbalji ortografiċi u tipografiċi li fih. Fil-ktieb dan il-kliem li ġej, hawnhekk miktub tajjeb, jidher miktub ħażin mill-inqas darba: intellettwalizzazzjoni, mezzi, għelieqi mtarrġin, nimlieha, insett, bl-uċuħ, l-ixdqa, l-ibleh, imħawdin, ħabbâra mdawlin, qiegħda, kontriehom, inġustizzji u mibegħda. Dawn huma żbalji li setgħu faċilment ġew evitati.
F’dan il-ktieb Fenech ikompli jinqeda bil-forom letterarji innovattivi li introduċa f’Altamira (1979) u f’Sangraal (1987), fosthom il-poeproża. Il-prose poem ġiet deskritta bħala “a composition able to have any or all features of the lyric, except that it is put on the page – though not conceived of – as prose.” F’“Meta Tfaqqa’,” il-poeta jippreżenta l-istess test l-ewwel bħala silta ta’ (poe)proża u mbagħad bħala poeżija. B’dan il-mod qiegħed jiġbed l-attenzjoni tal-qarrejja lejn il-proċess tal-kitba u jistedinhom biex jieħdu sehem fih b’mod aktar kreattiv. Din hi stedina-sfida li jeħtieġ li jaċċettaw il-qarrejja Maltin.
© Adrian Grima Ricensjoni ppubblikata fl-Xpress, Nru. 3, Mejju, 1998
|
|