Theżżiżiet Ħfief

Riċensjoni

 

Mitt Ħajku

ta’ Joe Friggieri

 

Filprint Publications (1997) Lm5 pp48

 

Fit-taħdita tiegħu dwar il-forom letterarji u l-filosofija, is-seba’ waħda mis-sensiela tat-Taħditiet ta’ l-Erbgħa Filgħaxija, Peter Serracino Inglott tkellem dwar il-Mitt Ħajku ta’ Joe Friggieri. Għalih “ebda wieħed minnhom m’huwa verament ħajku fis-sens strett tal-kelma, tal-forma letterarja Ġappuniża.”

 

Hemm żewġ raġunijiet ewlenin: fil-ħajku ta’ Friggieri, minflok xbihat enigmatiċi (aktarx frott tar-rabta tal-ħajku mal-Buddiżmu Zen u riċentement ma’ l-Imaġiżmu ta’ Pound) ħafna drabi hemm kummenti “logiċi” mimlijin ironija u sarkażmu. Skond Serracino Inglott, hemm “sensiela raġunata,” fis-sens li l-poeta “jibda b’Alla u jispiċċa b’Alla, u fin-nofs jgħaddi prattikament l-oqsma kollha tal-ħajja.” Għaldaqstant, dan il-ktieb jista’ jitqies bħala “tentattiv” biex Friggieri jippreżenta “l-filosofija tiegħu.”

 

It-tieni raġuni hi li Friggieri mhux dejjem iżomm mal-forma ftit jew wisq tipika tal-ħajku (kif jinkiteb ukoll fil-Punent), bi tliet versi ta’ ħames, seba’ u ħames sillabi. Auden, ngħidu aħna, jikser ir-regola wkoll, imma jżomm it-total ta’ sbatax-il sillaba. Mill-poeżiji nfushom jidher ċar li Friggieri huwa konxju minn din id-devjazzjoni, imma ma jarax in-neċessità li jżomm il-forma b’mod rigoruż. Minn “Alla ħiemed,” il-vers kwaternarju fl-aħħar tal-mitt ħajku li jidher ukoll fuq il-qoxra ta’ wara tal-ktieb wieħed jifhem l-għazla tal-poeta, għalkemm mhux bilfors jaqbel magħha. Hija għażla favur il-konċiżjoni - forsi l-poeta ħass li konġunzjoni bħal “u” fil-bidu tal-vers kienet tkun żejda. Iżda d-devjazzjoni mill-forma 5-7-5 tinħass iktar dubjuża fil-ħajku (98): “Stupendi l-istudenti / meta kien għadhom jieħdu / l-istipendi.”

 

Serracino Inglott jgħid li l-kitba tal-filosofija kontemporanja ħafna drabi tħobb tieħu l-forma ta’ “sensiela ta’ bċejjeċ żgħar, ta’ nitfiet ta’ kitba,” u allura l-għażla ta’ filosfu-awtur bħalma hu Joe Friggieri m’għandhiex tissorprendi lill-qarrejja tiegħu. L-aforiżmi u l-frammenti tal-filosofija kontemporanja huma “kważi espressjoni ta’ sfiduċja” fil-ħila tal-moħħ tal-bnedmin “illi jifforma stampa sistematika, koerenti tad-dinja u kulma fiha.” George Steiner osserva li l-forma artistika magħmula minn bċejjeċ żgħar hi waħda mill-karatteristiċi ta’ l-arti kollha tas-seklu għoxrin. Forsi għalhekk il-”qassis modern” ta’ Friggieri, “flok jagħmel omelija / jikteb ħajku” (90).

 

Eżempu riċenti ta’ dan l-istil huwa t-Teoria della Canzone (Bompiani, 1997) ta’ Manlio Sgalambro, awtur li kkollabora, fost l-oħrajn, ma’ Franco Battiato. Il-ktieb tiegħu dwar il-filosofija tal-kanzunetta għandu din il-forma aforistika; tnejn mill-iqsar kummenti fost is-sebgħa u tmenin li għandu dan il-ktejjeb ta’ erbgħa u sittin paġna huma dawn: (47) “Popular music sì, ma senza populismo;” u (51) “Dal Titanic. Cantare mentre si affonda.” Il-laqta ironika tinħass, bħal f’Mitt Ħajku, fil-ktieb kollu.

 

Dan il-ktieb ta’ Joe Friggieri huwa xogħol importanti. Mhux biss minħabba l-produzzjoni mill-isbaħ li tinkludi tpinġijiet suġġestivi bil-kulur ta’ Isabelle Borg. Imma anki minħabba l-ħeffa artistika ta’ id il-poeta, li jinqeda b’lingwa ħajja u essenzjali u josserva dak li qed iseħħ fil-bnedmin in ġenerali u f’Malta b’mod partikolari b’ironija u b’sinċerità li jibqgħu preżenti anki wara li jkun ingħalaq il-ktieb.

 

Mitt Ħajku jitkellem dwar Alla, l-ezistenza, il-gwerra, it-teatru, l-imħabba, iż-żwieġ, il-knisja, il-faqar, il-liġi, l-edukazzjoni, u tant ħwejjeġ oħra. Il-poeta sikwit jirrikorri għall-kwiekeb, għas-smewwiet, għall-qamar, għall-baħar, u għall-hemda, imma b’mod bil-wisq iktar sħiħ u suġġestiv milli tista’ tixhed lista bħal din.

 

Joe Friggieri donnu jerfa’ l-iktar kummenti ibsin għal Malta: (75) Kemm dehru kinki / il-monumenti qodma / biż-zebgħa ħamra!;” (76) “Tperper mezz’asta / il-bandiera Maltija: / miet ic-cinju;” (83) “ċumnija twila / tgħasses fuq il-ħolm / ta’ Marsaxlokk;” u (94) “Soap opera bil-Malti: / għax aħna m’aħniex anqas / minn ħaddieħor.” Għal min irid, dawn il-poeżiji jitkellmu waħedhom.

 

© Adrian Grima

Ricensjoni ppubblikata fl-Xpress, Nru. 2, April, 1998