Adrian Grima

 
 

Theżżiżiet Ħfief

Riċensjoni

 

Newbiet

ta’ Frans Sammut

 

Toni Cortis (1998) Lm2 pp136

 

It-tnax-il storja miġburin f’Newbiet inkitbu bejn l-1965 u l-1994. Frans Sammut huwa wieħed mill-kittieba li kienu fuq quddiem nett fit-tiġdid tal-letteratura Maltija li seħħ meta Malta ħadet l-Indipendenza politika fl-1964.

 

Tnejn mill-iktar xogħlijiet li jispikkaw f’din il-ġabra huma wkoll l-itwal: filwaqt li l-biċċa l-kbira ta’ l-istejjer fihom inqas minn għaxar faċċati, “Labirint” (1965) fiha 21 faċċata u “Il-Qtil ta’ Sqaq il-Horr” (1979) fiha 50 faċċata. Mhix kumbinazzjoni li l-ewwel waħda nkitbet sena wara l-Indipendenza u l-oħra fis-sena tal-Ħelsien. Għax waqt li hu minnu, kif sostna Oliver Friggieri dakinhar tal-preżentazzjoni tal-ktieb, “li l-interess ewlieni ta’ Sammut jibqa’ fil-persuna,” huwa minnu wkoll li fix-xogħlijiet letterarji tiegħu jinħass qawwi l-interess tiegħu fl-għazliet “politiċi” ta’ l-individwu u fir-realtajiet soċjo-politiċi tal-komunità.

 

F’“Labirint,” bid-dikjarazzjoni inizjali ta’ “Jiena jien” li Sammut jirrepeti fir-rumanz tiegħu Il-Gaġġa (1973), l-awtur jistħarreġ l-”individwalità” u l-”integrità” tal-persuna. Iżda jistħarreġ ukoll id-dimensjoni soċjali u politika usa’ tal-protagonista, dik li fid-daħla għall-Gaġġa, Peter Serracino Inglott isejħilha “l-ironija tal-protagonista dwar pajjiżu.” It-taqbida tal-poplu Malti għall-indipendenza politika ġabet lil għadd ta’ Maltin konxji tal-ħtieġa ta’ indipendenza ġewwenija inqas evidenti u aktar diffikultuża.

 

Sa l-1974, il-kwistjoni ta’ l-Indipendenza politika ta’ Malta kienet tista’ tgħid solvuta; iżda fl-1979, meta Sammut kiteb “Il-Qtil ta’ Sqaq il-Horr,” il-kwistjoni ta’ l-indipendenza vera, jew tal-ħelsien ġewwieni sħiħ tal-komunità tal-Maltin kienet għadha togħtor taħt il-madmad ta’ “moralità ipokrita” istituzzjonalizzata li tbiddel il-verità f’gidba u tippreżenta lil dawk li jfittxu u jemmnu fil-verità bħala giddibin.

 

Dwar ir-rabta bejn il-poter (politiku, soċjali u morali) u l-ismijiet li jinqeda bihom Sammut fl-istejjer tiegħu kiteb studju Bernard Micallef. Waqt li l-protagonista “bla poter” tal-”Qtil ta’ Sqaq il-Horr” għandu isem sħiħ (l-Ispettur Robert Grima), il-karattri ppreżentati bl-inizjali (id-Deputat N. u l-Imgħallem L.) “huma dejjem dawk f’pożizzjoni għolja u jispikkaw bħala setgħa determinanti fuq il-ġustizzja.” Saħansitra l-isem anonimu tar-raħal, Ħal ***, jixhed il-pożizzjoni tar-raħal ‘il fuq mil-liġi. F’dawn l-istejjer ta’ Frans Sammut, l-użu strategiku ta’ l-ismijiet jirrifletti tifsiriet u funzjonijiet soċjo-politiċi (speċjalment ta’ poter) kumplessi.

 

Il-ħakma tal-kriminali fuq il-politikanti u tal-kriminalità fuq il-politika tiddomina l-ambjent tal-”Qtil ta’ Sqaq il-Horr.” Għalkemm din hija tema assoċjata ħafna ma’ awturi magħrufin bħal Gabriel Garcia Marquez u Leonardo Sciascia (li donnha tinħass l-influwenza tiegħu hawnhekk), il-letteratura Maltija ftit li xejn għadha daħlet fil-kurituri mudlama tagħha. Sammut donnu jissuġġerixxi li f’Malta teżisti rabta bejn il-kriminalità u l-politika msejsa, m’għandniex xi ngħidu, fuq in-negozju. Is-sehem tan-negozjant li jisponsorja lid-Deputat N. huwa determinanti. Il-kriminal (il-Buda) huwa galoppin tad-Deputat N. u marbut ma’ l-Imgħallem L. Il-qtil tal-Horfi jseħħ minħabba li n-negozjant iqabbad lill-kriminal biex jagħti tagħlima lill-Horfi ħalli jipproteġi l-interessi tiegħu.

 

Storja oħra pjuttost differenti imma b’doża qawwija ta’ politika hija “Il-Premju” (1968), li fiha l-prepotenza u r-rikatt jimmanipulaw il-ġustizzja b’tali mod li ssir inġustizzja mlibbsa ta’ ġustizzja. (Hawnhekk jitfaċċa wkoll karattru bl-isem ta’ Fredu Gambin – tgħid din kumbinazzjoni?) Iżda Sammut jittratta għadd ta’ temi oħra, fosthom ir-relazzjoni bejn il-mara u r-ragel. Każ interessanti huwa dak ta’ l-istorja “Seta’ Kien” (1972) li fiha l-awtur jistħarreġ ir-rabtiet bejn ir-relazzjonijiet tal-protagonista ma’ mara u man-natura (mal-baħar).

 

M’hemmx dubju li Sammut huwa mgħallem fit-tħaddim tal-lingwa; fejn tidhol l-għazla tal-kliem ħafna drabi jirnexxilu joħloq bilanċ kreattiv bejn lingwa mhux daqshekk popolari (kultant arkajka) u l-lingwa ta’ kuljum. Ħasra li f’Newbiet hemm xi żbalji (ez. “jippriedkaw” u “fuqhiex”) u inkonsistenzi ortografiċi (ez. “ġa” u “ġà”) li żgur setgħu ġew evitati.

 

Bħal kull ktieb tajjeb, Newbiet ta’ Frans Sammut jirnexxi fuq ħafna livelli. Filwaqt li jappella għal min ihobb jaqra storja rrakkontata tajjeb, jappella wkoll għal min, bħala qarrej jew qarrejja, jinvolvi ruħu b’tali mod li jsawwar, flimkien mal-kittieb, id-dinja dejjem ħajja u dinamika tal-letteratura tajba. F’dan is-sens, Newbiet għandu l-potenzjal li jieħu sehem fil-proċess ta’ maturazzjoni mhux biss ta’ min jaqrah imma anki ta’ komunità sħiħa.

 

© Adrian Grima (Awwissu 1998)

Riċensjoni ppubblikata fl-Xpress, Nru. 7, Settembru, 1998

 


 

Lejn l-Ewwel Paġna | Back to First Page