|
Il-Letteratura u l-Udjenza Ftit Ħsibijiet |
||
|
|
||
|
Meta l-qarrejja jew is-semmiegħa jsibu ruħhom quddiem biċċa xogħol letterarja, għandhom mill-inqas żewġ għażliet: jistgħu jħarsu lejn dik il-poeżija jew dik in-novella bħala espressjoni ta' l-emozzjonijiet ta' l-awtur jew l-awtriċi tax-xogħol u jistgħu jikkonċentraw fuq ix-xogħol innifsu, l-aktar fuq il-kliem. L-ewwel għażla tqiegħed lill-awturi fuq ix-xogħol tagħhom. Il-poeta romantiku Ingliż, William Wordsworth kien jemmen li l-poeżija hija l-fawrân spontanju ta' ħsus qawwija (fil-poeti). Dawk li jagħmlu din l-għażla huma interessati f'dak li tgħid il-poeżija jew il-proża dwar min kitibha, dwar dak li jħoss, dak li jemmen, dak li jgħaddi minnu, x’kienu l-intenzjonijiet tiegħu meta kitibha, u l-bqija. Ħafna nies jaqraw il-poeżija b'dan il-mod. Għal dawk il-qarrejja li jħossuhom li ma jistgħux jaqbdu tarf ta' poeżija jew li ma mhumiex jaraw x'inhuma l-ħsus li qed jesprimi min kitibha, dan il-metodu ta' qari ma jagħtix ħjiel ta' kif taqra poeżija. Barra minn hekk, dan it-tip ta' qari jixħet l-enfasi tiegħu aktar fuq il-moħħ u l-personalità li ħolqu l-poeżija milli fuq it-test innifsu. Għalhekk mhuwiex qari tajjeb, fost l-oħrajn għax ma jħarisx lejn il-poeżija u jipprova japprezzaha. Dan il-metodu joħnoq il-poeżija. Ngħidu aħna, jekk taqra poeżija ta' Dun Karm li fiha jiddeskrivi lil Malta bħala omm u minflok tapprezza l-metafora u tqis l-effetti u l-konsegwenzi tagħha taraha biss bħala xhieda tar-rabta ta' Dun Karm il-bniedem ma' ommu, tkun qiegħed titlef ħafna mill-qawwa tal-poeżija li tissuġġerixxi tifsiriet u esperjenzi ġodda. Ix-Xogħol Innifsu It-tieni għażla hija dik li l-qarrejja jew is-semmiegħa jħarsu lejn il-poeżija nfisha, qabelxejn il-kliem. Filwaqt li fl-ewwel tip ta' qari, l-awturi huma figuri elusivi moħbija wara t-test letterarju, f'din it-tieni għażla l-awturi huma l-ħallieqa tat-tifsiriet permezz tat-test u ma jibqgħux xkiel bejnna li qed naqraw u l-poeżija. Biex naqraw il-poeżija niskopru li m’għandniex bżonnhom, għax il-poeżija li jkunu welldu tibqa’ tgħix mingħajrhom. Meta nanalizzaw il-poeżija nistgħu niffokaw fuq il-forma u l-kontenut. Il-kontenut huwa dak li tgħid il-poeżija; il-forma hija l-mod kif tgħidu, il-lingwa li tuża, l-istrutturi li tinqeda bihom, il-ħsejjes, ir-ritmi, u l-bqija. Għalissa se nitkellmu fuq il-forma u l-kontenut bħala elementi mifrudin minn xulxin, imma fil-verità dawn huma ħaġa waħda. Id-distinzjoni bejniethom tista' ssir biss fit-teorija. Ma tistax tifred il-mod kif tgħid ħaġa minn dak li tgħid. Ngħidu aħna, jekk jitfaċċa xi ħadd quddiemek b'libsa li ma togħġbokx, inti tista' tħares lejha u lill-persuna tgħidilha, b'ton sarkastiku: "Sabiħa!" Inti tkun qed tlissen il-kelma "sabiħa" imma fil-fatt tkun qed tgħid l-oppost ta' dak li l-kelma "sabiħa" normalment tfisser. Il-kuntest u l-mod kif tintqal huma żewġ fatturi li jsawru t-tifsira tal-kliem li tlissen. Eżempju ieħor huwa dak tal-poeżija "Il-Kebbies tal-Fanali" ta' Anton Buttigieg. Ħafna nies jattribwixxu s-sbuħija u s-suċċess ta' din il-poeżija għall-fatt li Buttigieg jassoċja l-poeżija mad-dawl. Imma fil-verità, hemm ħafna fatturi oħrajn, fosthom ir-ritmu u r-ritratt tal-poeta u l-kebbies, it-tnejn solitarji. li wasslu biex din il-poeżija tintlaqa' tant tajjeb. Jekk tipprova tqiegħed il-kontenut ta' din il-poeżija fi kliem ieħor tkun qed tibdel mhux biss il-forma iżda anki l-kontenut, għax fil-prattika kull tibdil fil-forma jbiddel il-kontenut. L-ideat ta' Anton Buttigieg f'din il-poeżija mhumiex oriġinali; lanqas ir-rima, jew it-tul tal-versi: "l-oriġinalità", biex insejħulha hekk, tinsab fil-poeżija kollha kemm hi. Jekk tibdel kelma waħda, jew l-ordni tal-kliem jew l-aċċent tkun qed tibdel il-poeżija. Fil-fatt, jekk tisma' lil żewġ qarrejja differenti jaqraw din il-poeżija, tinduna li l-qari differenti tagħhom jissarraf f'żewġ poeżiji differenti. Imma s-sehem tal-qarrejja fil-ħolqien ta' xogħol letterarju huwa suġġett li jistħoqqlu trattament għalih. Dwar l-analiżi tal-forma ara, fost l-oћrajn: Tagħrif Ħafif fuq il-Kritika tal-Poeżija Realtajiet Ġodda Waħda mir-raġunijiet ewlenin għaliex ħafna drabi l-poeżija nsibuha diffiċli hi minħabba l-lingwa li tuża. Peck u Coyle (12) jsostnu li t-tifsiliet, l-istrutturi li jkun hemm f'poeżija jikkonċentraw u jikkompressaw il-kliem f'"relazzjonijiet bejniethom bil-wisq iktar sinjifikattivi milli jkun hemm fil-proża". Waħda mill-iktar ideat żbaljati komuni hi li l-poeżija hi dwar affarijiet esoteriċi u astratti li huma 'l bogħod mill-ħajja ta' kuljum. Lanqas m'huwa minnu li l-poeżija tikkumplika l-kliem biex tagħmilha iktar diffiċli biex il-qarrejja jaqbdu x'qed jipprova jingħad. Il-poeżija mhix il-lingwa tas-soltu għax tistħarreġ realtajiet li l-lingwa ta' kuljum ma tkoprix. Il-poeżija tivvjaġġa lilhinn mil-lingwa ta' kuljum biex tesplora r-realtajiet li ngħixu mill-ġdid biex tikxef, jew toħloq, konnessjonijiet li ma konniex qed narawhom qabel, u biex tesprimi l-ħsus tal-bnedmin b'mod ħaj u effettiv. Teoretikament, poeżija tista' tkun dwar kollox, iżda hemm ċerti temi li jolqtuna lkoll, bħall-imħabba, il-mewt, il-ħolqien u r-reliġjon, li huma temi rikorrenti fil-poeżija (12). Il-poeżija tgħinna biex inħarsu lejn dawn it-temi b'mod ġdid, iġġibna wiċċ imb'wiċċ magħhom, tagħtihom il-ħajja u tesprimi, kultant, dak li aħna b'xi mod ħassejna, jew ħsibna, imma qatt ma artikolajna, qatt ma “ħloqna”. F'idejn il-poeti, il-ħafna trufijiet tagħna kapaċi jingħaqdu f'korp wieħed, f'poeżija qawwija u "ġdida". Iżda l-poeti qatt ma jistgħu jkunu oriġinali għal kollox (13) u jridu jaħdmu fi ħdan il-konfini pjuttost limitati ta' l-arti li jagħżlu. Il-materja prima ewlenija tal-poeta hija l-lingwa: il-poeta jsib ruħu fil-lingwa u daqskemm jista' jagħmel biha dak li jrid huwa wkoll maqful ġo fiha. Lingwa hija mod wieħed ta' kif tħares lejn il-ħajja u lejn ir-realtà. Ngħidu aħna, hemm popli li għandhom kliem speċjali għal għadd kbir ta' tipi differenti ta' borra; aħna l-Maltin għandna kelma waħda biss, "borra", u kultant lanqas dik ma nużaw sew, għax nitfixklu bejn il-borra u s-silġ. Din tifhimha għax ir-realtà ta' popli li jgħixu kontinwament bil-borra hija differenti mir-realtà ta' poplu iżolan mediterran bħall-poplu Malti. Waħda mill-problemi ta' persuna li tinqeda bil-kliem biex tesprimi ruħha fuq affarijiet li ma nitkellmux fuqhom fit-taħdit tagħna ta' kuljum hi li kontinwament tkun qed titħabat biex timraħ lilhinn mil-lingwa li m'għandhiex ħliefha. Għall-poeti, is-soluzzjoni għal dan l-għeluq, għal din ir-restrizzjoni, tinsab fl-użu mhux tas-soltu tal-lingwa stess: il-ħolqien ta' konnessjonijiet ġodda, l-imminar ta' dak li hu meqjus bħala vanġelu, il-ħolqien ta' kliem u ħsejjes ġodda, it-tqegħid tal-kliem f'ordni ġdid. Dan kollu huwa possibbli, u jseħħ kulmeta l-lingwa tiġġebbed, titqatta', u tissewwa mill-ġdid u b'mod ġdid. F'dan il-proċess ta' ħolqien, is-sehem tal-qarrejja huwa determinanti, għax ix-xogħol ma jeżistix mingħajr il-qarrejja, u fl-istess ħin il-qarrejja “joħolquh” ix-xogħol: għalkemm il-ħin kollu nitkellmu fuqu bħallikieku kien oġġett ġo vakwu, maqtugħ għalih waħdu, fil-verità x-xogħol letterarju ma jeżistix waħdu. © Adrian Grima |
||
|
|