Adrian Grima

 
 

Theżżiżiet Ħfief

Riċensjoni

 

Poeżiji

ta’ Oliver Friggieri

 

Mireva (1998) Lm4.95 pp505

 

Kif jidher minn din il-”ġabra essenzjali” ta’ poeżiji miktubin fuq medda ta’ tmienja u tletin sena (1961-1998), Oliver Friggieri huwa poeta essenzjalment modern, anki meta l-forom regolari tal-metrika tiegħu donnhom jagħtu l-impressjoni li mhuwiex. Hi poeżija li tinqeda bil-forom qodma fost l-oħrajn biex tisfidahom, biex taħsadhom, kemm fuq livell semantiku kif ukoll fuq livell formali.

 

L-endekasillabu u s-settenarju, l-iktar versi li juża, Friggieri sikwit jaħsadhom u jġeddidhom. Dan narawh, fost l-oħrajn, f’“L-Akbar Mass Meeting,” “Merħba lill-Albaniżi” u “Poeżija għal Ommi,” xogħlijiet li jiddestabilizzaw u jirrivoluzzjonaw dawn iż-żewġ forom tradizzjonali għax jinqdew bihom b’mod li jmur kontra l-użu tradizzjonali tagħhom. Bl-istess mod, Friggieri jisfida lill-wirt (“patrija”) qadim tal-kuxjenza tiegħu bħala ċittadin ta’ Malta u ċittadin ta’ l-univers billi jikkontesta l-assolutiżmi u s-simplifikazzjonijiet li newlulu ta’ qablu.

 

Il-poeżija ta’ Friggieri hi poeżija mgħarrqa fil-paradoss: l-istazzjon huwa l-post fejn il-pellegrin jidħol jistrieh mill-iskariġġ taċ-ċaqliq kontinwu bejn il-preżenza u l-assenza; il-viċin u l-bogħod; l-illum, il-bierah u l-għada; il-lejl u n-nhar; il-ġie u t-telaq; it-tela’ u n-niżel; il-mewt u l-ħajja; l-issa u s-seklu; it-tektika ta’ l-arloġġ u l-univers; is-solitudni u l-folla; l-għajnejn espressivi u l-wiċċ ċass; il-mutiżmu u l-volumi ta’ kliem. Il-vjaġġ tiegħu jseħħ fuq mill-inqas żewġ livelli: kultant, jew fl-aħħar mill-aħħar, hu mixja “inkiss inkiss” mimlija tbatija lejn destinazzjoni ċara, lejn patibolu, lejn il-lilhinn; ħafna drabi hu riviżitazzjoni kontinwa taz-żewġ dinjiet opposti imma koeżistenti, vjaġġ ċirkulari. Il-paradoss, wara kollox, huwa vjaġġ fit-tifsir għax filwaqt li jistqarr xi ħaġa li tidher kontradittorja jew assurda jġiegħel lill-qarrejja jfittxu iktar fil-fond fis-saffi tat-tifsir.

 

L-għazla tal-poeżiji li għamel Friggieri nnifsu tixhed il-ħtieġa li jħoss li jikkomunika ma’ min jaqra u jisma’ l-poeżija tiegħu. Dan jidher sew fil-poeżiji miktubin bis-settenarju jew miktubin għal xi okkażjoni partikulari. Hawnhekk, forsi, il-poeta daħħal xi xogħlijiet li filwaqt li jinqdew bil-motivi tipiċi tiegħu ma jinħassux ħajjin u dinamiċi daqs l-ahjar xogħlijiet tiegħu (per eżempu, “L-Għanja ta’ l-Għolja tan-Nadur,” “Talba ta’ l-Ulied għal Ommhom Rieqda” u “Lil Salvu u Marija”). “Inti Sabiha,” min-naħa l-oħra, m’għandhiex il-qawwa suġġestiva tipika ta’ dan il-poeta.

 

Iżda dawn huma biss eċċezzjonijiet f’ġabra li toħroġ lil Oliver Friggieri bħala poeta b’viżjoni sħiħa, poeta koerenti fil-paradoss u l-kontestazzjoni essenzjali ta’ awtur “modern.” Salvatore Quasimodo kien jemmen li ma tezisti ebda biċċa xogħol ta’ l-arti li mhijiex kontestazzjoni, f’kunflitt mas-soċjetà.

 

F’għadd ta’ poeżiji “politiċi,” fosthom dik li ġġib l-istess isem ta’ diskors li għamel Quasimodo fl-Akkademja ta’ l-Isvezja meta ngħata l-Premju Nobel għal-letteratura fl-1959, “Il-poeta u l-politiku,” il-poeta jaf li l-preżenza tiegħu tiskomoda lill-politiku. Min-naħa tiegħu l-politiku jbassar li l-estinzjoni tar-razza tal-poeti tinsab fil-qrib. Id-destin tal-poeta hu li jħossu eziljat, u fil-fatt hekk hu. Il-vjaġġi poetiċi tiegħu jseħħu fl-art imminata li hemm bejnu u l-bqija; il-lingwa li jitkellem hi lingwa ta’ art oħra, art li mhi ta’ ħadd ħlief tiegħu. F’Dun Karm, bejn il-poeta u s-soċjetà hemm distanza imma mhix distanza li ma tistax tiġi ssuperata, għax hi mibnija fuq id-differenza, mhux l-oppożizzjoni u l-polemika. Fi Friggieri l-poeżija hi minnha nfisha “klandestina” (“Qawsalla,” III).

 

Fl-ewwel xogħlijiet ta’ Friggieri, l-egoċentriżmu tipiku taz-żagħżugħ jidher fil-fatt li kollox iseħħ fid-dinja “ċkejkna” u klawstrofobika tal-poeta. Ma’ l-għeluq fiżiku tiżdied l-urgenza tal-mistoqsija: għadd ta’ poeżiji f’Analiżi ‘70, fosthom dawk li jieħdu l-forma ta’ talba lil Alla, jispiċċaw b’mistoqsija. Għall-bidu l-ħarba tidher l-iktar tweġiba ċara fil-moħħ impulsiv taż-żagħżugħ. Iżda l-poeta ma jarmix il-possibbiltà li jikseb it-tweġibiet mingħand Alla, u b’hekk jisboq il-fiżiċità li tillimitah.

 

Fil-poeżija aktar matura tas-snin tmenin u disgħin, Friggieri jsejjaħ lilu nnifsu “pellegrin” u “nomadu” u spiss isib ruhu jistenna fi stazzjon jew f’ajruport. Hawnhekk iktar insibuh wieqaf milli miexi; iktar insibuh jistenna biex ikompli l-vjaġġ milli jivvjaġġa, iktar narawh bħala passigġier li jitmexxa milli bħala żagħżugħ li jterraq. Ħafna drabi t-tren jidher ġej jew sejjer, imma l-poeta mhuwiex fih. U waqt li nieħdu l-impressjoni li l-vjaġġ se jibda jew ikompli, m’hemmx wisq x’juri li fil-fatt hekk se jiġri. Il-qagħda l-aktar tipika tal-poeta hi dik tal-vjaġġatur jistenna: il-verb “stenna” jiddeskostruwixxi l-metafora nnifisha tal-vjaġġ għax filwaqt li jikkonferma l-mobilità tal-protagonista jaqbdu f’mument fejn mhuwiex qed jiċċaqlaq. Iċ-ċaqliq u l-mistennija huma ż-żewġ naħat tal-munita metaforika tal-poeta.

 

Bejn “Is-Salmi ta’ Budapest” u “Qawsalla,” żewġ xogħlijiet importanti ta’ l-1990 maqsumin f’sittax-il stazzjon, hemm xebh metaforiku, strutturali u tematiku. Fil-qafas tal-metafora tal-vjaġġ li fuqha huma mibnijin dawn iż-żewġ xogħlijiet (u bosta oħrajn) hemm ħafna mill-persunaġġi u l-motivi tipiċi tal-poeta: il-lejl, is-solitudni, l-uċuh ċassi, il-vaguni, il-pożizzjoni prekarja tal-protagonista bejn seklu twil warajh u t-tren li wasal biex jitlaq; il-mistennija u l-antiċipazzjoni tal-vjaġġ twil; il-belt il-ġdida; il-ħajja mill-mewt; l-inutilità tal-kliem u l-ironija mistura daqskemm qawwija tal-poeta li m’għandu xejn ħlief kliem; is-suldati, l-aggressjoni u l-fjuri; il-politika; il-figura li tinża’ ħafja u tterraq waħedha; l-għaliex u n-nuqqas ta’ tweġiba; id-dizzjunarju; iċ-ċiklu tan-natura; l-għalqa (s-sewda) tal-mewt; u r-rabta espliċita bejn l-istazzjonijiet tal-Via Sagra u l-istazzjonijiet tal-ferrovija u tal-ħajja.

 

Dan l-ewwel ktieb fis-Sensiela Mireva Kittieba Maltin jawgura tajjeb għal dan il-proġett editorjali ambizzjuż, mhux biss minħabba l-livell għoli tal-produzzjoni iżda iktar u iktar minħabba l-poeżija li fih.

 

© Adrian Grima

Riċensjoni ppubblikata fl-Xpress, Nru. 6, Awwissu, 1998

 


 

Lejn l-Ewwel Paġna | Back to First Page