|
L-Eliżir tal-Ħajja
Adrian Grima jintervista lil
Rena Balzan
Rena
BaIzan twieldet is-Siġġiewi fil-5 ta’ Novembru, 1946. Studjat fl-Iskola
Primarja u Sekondarja tal-Gvern, fl-Università ta’ Malta, mnejn kisbet
il-Baċellerat fil-Farmaċija fl-1968, fl-Università Statali ta’ Milan, imnejn
kisbet id-Diploma ta’ Speċjalizzazzjoni fil-Bijoloġija (Ġenetika Applikata)
fl-1976, u fl-Università ta’ Cranfield, fl-Ingilterra, mnejn kisbet il-Ph.D.
fil-Bijoteknoloġija/Bijoloġija Molekulari fl-1994.
Rena Balzan hija l-awtriċi ta’ għadd ta’ pubblikazzjonijiet kemm xjentifiċi kif ukoll
letterarji. Xi xogħlijiet letterarji milli kitbet dehru mitbugħa
f’għadd
ta’ antoloġiji f’Malta u barra
minn Malta.
Awtriċi tal-ktieb ta’ poeżiji u novelli, Ilwien Moħbija (1973) u ta’ l-erba’ rumanzi Fil-Firda I-Għażla
(1981), Il-Ħolma
Mibjugħa
(1982), Ilkoll ta’ Nisel Wieħed
(l-ewwel edizzjoni 1987, it-tieni edizzjoni 1998) u Fiż-Żifna ta’
l-lbliet (1995). Hija wkoll ko-awtriċi tal-ktieb tal-poeżiji Turġien
(1983). Lecturer fil-Fakultà tal-Mediċna u l-Kirurġija fl-Università ta’
Malta.
Dr. Balzan iddiskutiet
il-kitba tagħha ma' studenti tal-Malti tal-Kulleġġ Ġan Franġisk Abela nhar
l-Ħamis, 30 u l-Ġimgħa, 31 ta’ Jannar, 2003.

1. Dr. Balzan:
Fil-ktieb ta’ poeżija Alfa li inti ħriġt ma’ tliet kittieba
oħra, ippubblikajt poeżija tiegħek ta’ Jannar ta’ l-1991 li jisimha
“Epitaffju”.
Fis-sempliċità tan-natura
sibt il-hena;
fil-kumplessità tagħha
l-vitalità biex ngħixha.
Fik, Ħallieq
Il-milja ta’ l-eternità.
Kemm għadu jirrappreżentak dan l-epitaffju li ktibt 12-il sena ilu?
L-istess bħal meta ktibtu.
2. Kważi
għoxrin sena ilu (1983) ktibt poeżija bl-isem ta’ “Tibqax Rieqda” (“bi
stmerrija għal kull xorta ta’ medjokrità”). Fil-każ ta’ Malta, l-ulied
għadhom “jitmejlu” b’ommhom kif tistqarr fil-poeżija?
Sfortunatament hekk naħseb u allura qegħdin ngħaddu ż-żmien (jew nitmejlu)
bina nfusna. Inħoss li għandna ħafna valuri tal-ħajja minfuħa bl-arja u
għadd ta’ prijoritajiet maqlubin ta’ taħt fuq. Għad fadlilna ħafna
x’nitgħallmu u x’naqdfu ’l quddiem.
3. Int għext u
studjajt barra minn Malta. Dawn l-esperjenzi tħoss li biddluk? Kif? U
l-kitba tiegħek influwenzawha?
Esperjenzi twal barra minn Malta xi ftit jew wisq ibiddluk. Hemm id-daqs
tal-post fejn tkun, il-karatteristiċi differenti, u l-istil tal-ħajja jista’
jvarja wkoll minn tagħna. Kelli x-xorti niltaqa’ ma’ nies kbar, speċjalment
fil-qasam tax-xjenza; għaliex ħafna drabi kont imsiefra fuq studju. Skoprejt
li l-veru kobor ma jkunx biss f’linja waħda imma fil-personalità kollha ta’
l-individwu. Imbagħad fil-ħajja ta’ kuljum tiltaqa’ ma’ nies bi drawwiet
differenti, ta’ reliġjonijiet u twemmin (anke dak politiku) differenti.
Tgħallimt nittollera, jew aħjar naċċetta iżjed lill-oħrajn, ukoll jekk ma
jaħsbuhiex bħali u jekk ma nixtieq qatt li naħsibha bħalhom. Sibt ħafna
tajjeb fejn qatt ma bsart li nsibu. Bħala kittieba kelli l-opportunità li
nimraħ sew fl-osservazzjonijiet tiegħi. Lill-kitba tiegħi stajt nagħtiha
dimensjoni aktar dinjija.
4.
Xi tħobb taqra l-aktar? Min huma l-kittieba letterarji favoriti
tiegħek?
Inħobb
naqra forom differenti tal-letteratura. Poeżija tajba, imnebbħa tassew minn
qawwa ġewwiena, ma nibdilha ma’ xejn. Rumanz mirqum bil-ġmiel tal-kelma
miktuba jserraħni u jagħtini gost. Inħobb naqra ħafna wkoll il-bijografiji.
Il-kittieba letterarji favoriti tiegħi ivarjaw skond il-perijodi differenti
ta’ ħajti. Naf li għad fadalli ħafna kittieba kbar x’niskopri. Wieħed
mill-favoriti li laqatni ħafna meta skoprejt il-kitba tiegħu huwa Kahlil
Gibran. (Ritratt minn The Prophet)
5.
Fir-rumanz Ilkoll ta’ Nisel Wieħed (1987), għal Karl l-arti tfisser ħelsien
minn kull irbit m’għajxien imxekkel mill-ambizzjoni bla rażan u mill-ħafna
mirfuda taż-żmien. Taqbel miegħu?
Iva. Fl-opinjoni tiegħi, l-ambizzjoni bla rażan ixxekkel l-għajxien u l-arti
mnibbta fih. Rabta kbira mal-ħin tista’ wkoll toħnoq il-veru arti. Jiena
nħobb nagħmel distinzjoni bejn iż-żmien ipproġettat fl-eternità u l-ħin li
huwa manipulazzjoni taż-żmien mill-bniedem. Forsi hawnhekk Karl ried aktar
jgħid “ħin” milli “żmien”.
6.
Mir-rumanz jidher li tinteressak ir-relazzjoni bejn il-ġenituri, uliedhom u
wlied uliedhom. X’hemm f’dawn ir-relazzjonijiet li jinteressak
partikolarment?
Il-personalità ta’ kull wieħed u waħda minna hija influwenzata sew minn dak
li nirtu permezz tal-ġenetika, kif ukoll mit-trobbija li nieħdu. It-trobbija
ta’ l-ulied tiddependi ħafna mir-relazzjoni ta’ bejn il-ġenituri u l-ulied.
Din ir-relazzjoni bl-influwenza kollha tagħha tibqa’ għaddejja minn
ġenerazzjoni għal oħra.
7.
Għal Luis Sepúlveda (fir-ritratt), “Lo
scrittore […] deve essere coinvolto, deve stare dentro le cose, dentro la
vita.” Taqbel miegħu?
Bilfors. Inkella l-awtur ma jistax joħloq karattri “ħajjin” li jikbru
u jevolvu mal-medda tar-rumanz. Ma jistax jinfluwenza l-ħajja bil-kitba
tiegħu.
8. F’Ilkoll
ta’ Nisel Wieħed, il-karattru li jiddomina bil-preżenza tiegħu anki meta
ma jkunx preżenti huwa n-nannu. Kif tħares lejn dan il-karattru? Tarah
riġidu u inġust ma’ bintu u ma’ martu (li lanqas jgħidilha dwar il-mewt ta’
bintha Erica)? Minkejja l-vuċi ċerta minnha nfisha li tinstema’ fir-rumanz,
in-nannu jidher li għandu l-inkwiet, id-dubji u l-misteri tiegħu wkoll…
In-nannu huwa qawwi u dgħajjef, supperv u umli, iebes fir-relazzjonijiet
tiegħu ma’ l-oħrajn u b’qalb li tħenn u tagħder. In-nannu mimli
kontradizzjonijiet fil-karattru tiegħu, bħal ħafna minna, iżda dispost li
jikber u jitgħallem, u aktar ma jikber fl-età aktar joħroġ il-qawwi, l-umli
u l-ħanin ta’ ġo fih. Infatti jagħmel ħafna iżjed sforz biex jifhem
lin-neputija Nada milli kien għamel biex jifhem lil bintu Erica. Iżda
l-imħabba lejn bintu tinħass kemm kienet qawwija ma’ l-aħbar tal-mewt
tagħha. Miet ftit jiem warajha. Lil martu ma’ qalilha xejn dwar il-mewt ta’
binthom Erica biex ma jagħtihiex ix-xokk li ħa hu, l-aktar meta ma kienx
f’pożizzjoni li jgħinha.
9.
Fl-ewwel kapitlu, Nada tiftakar u tirriproduċi d-diskorsi twal u stilizzati
tan-nannu. Kemm huma realistiċi dawn id-diskorsi tiegħu? Nada kemm hi
maħkuma mill-personalità tan-nannu?
Nada tixbah ħafna lin-nannu fil-karattru u fil-personalità tagħha, iżda mhix
maħkuma mill-personalità tiegħu. Meta kellha bżonn tagħżel triqitha, bħal
per eżempju fil-linja ta’ studju li qabdet u li kienet differenti minn dik
tan-nannu, tagħmel dan mingħajr tlaqliq. Iżda Nada hija influwenzata
mill-personalità tan-nannu. In-nannu, li kien għaraf dan ix-xebh fiż-żewġ
personalitajiet, kien iħossu liberu li jitkellem mat-tifla fuq ħafna aspetti
tal-ħajja, minbarra fuq ir-relazzjoni mkissra tiegħu m’ommha, u d-diskorsi
tiegħu kellhom effett qawwi fuqha. Iżda tibqa’ l-mistoqsija kemm huma
realistiċi dawn id-diskorsi li Nada tipproduċi. X’aktarx li hemm ħafna
minnha stess fihom u x’aktarx li ma dak kollu li tiftakar li kien jgħidilha,
hemm imniżżel ukoll dak li kien jistqarr bil-mod li bih kien jgħix, aktar
milli bi kliemu.
10.
Ir-relazzjoni tan-nannu ma’ bintu Erica ma tirnexxix imma ma’ Nada tirnexxi.
Tgħid għax toqgħodlu? Kemm tara min-nannu fil-karattru, speċjalment fir-ras
iebsa, ta’ Erica?
Kif għidt qabel, Nada, għalkemm influwenzata mill-personalità tan-nannu, taf
tieħu d-deċiżjonijiet għal ħajjitha hi, indipendentement minn dak li seta’
bassar għaliha in-nannu. Ir-relazzjoni tan-nannu ma’ bintu Erica ma
tirnexxix mhux biss għax it-tnejn kellhom rashom iebsa, għalkemm dan huwa
fattur importanti ħafna. Iżda Erica, għalkemm intelliġenti, kienet għadha
mhix disposta trawwem fiha l-għerf tal-ħajja li kien beda jagħraf in-nannu u
li kienet waslet biex tagħraf minn kmieni Nada, forsi wkoll bl-influwenza
tan-nannu li mbagħad kien laħaq il-qofol tal-maturità.
11. F’mument minnhom
in-nannu jgħid lil Nada li “aktar ma jgħaddi ż-żmien aktar isir diffiċli li
wieħed jisma’ […] l-ilħna tan-natura. Il-bniedem għad ikollu jerġa’ jibda
mill-ġdid. Mhux faċli jwettaq ħajtu mingħajr l-eliżir tal-ħajja.” (p. 16)
Taqbel miegħu? għaliex? Taqbel max-xjenzjata u l-attivista Vandana Shiva li
l-bijo-diversità u d-diversità kulturali jimxu id f’id?
Iva naqbel. Aktar ma l-bniedem ikun imdawwar bi ħsejjes li jtarrxu u
b’distrazzjonijiet li joħonqu l-moħħ, inqas ikun jista’ japprezza l-ġmiel
tan-natura bil-kwalitajiet li jsaħħru tagħha. U inqas ma japprezza n-natura,
li fuq kollox aħna parti minnha, iżjed jagħtiha bis-sieq, joħnoqha u jeqred
l-ambjent. Mingħajr ambjent nadif u f’saħħtu, li huwa l-eliżir tal-ħajja, ma
nistgħux ngħixu f’saħħitna, kemm mentalment kif ukoll fiżikament. Nittama li
meta nindunaw x’qed nagħmlu lill-ambjent ma jkunx tard wisq biex nerġgħu
nibdew mill-ġdid.
Il-bijo-diversità hija importanti ħafna kemm mill-aspett ġenetiku u
mill-aspett ta’ soravvivenza fin-natura. Naħseb li kif tgħid Vandana Shiva,
il-bijo-diversità u d-diversità kulturali jimxu id f’id.
12.
F’min mill-karattri tiegħek l-aktar li tara lilek innifsek? F’Nada?
Bħala
awtriċi naħseb li jkun hemm xi ftit minni, jew minn persuni li jkunu laqtuni
b’xi mod speċjali fil-ħajja, fil-karattri kollha li noħloq fir-rumanzi jew
in-novelli tiegħi. Il-karattri tiegħi kollha jkollhom importanza speċjali u
unika għalija. Jiġu waqtiet li kważi nistħajjilhom bnedmin tad-demm u
l-laħam. Imma mbagħad ikun hemm dejjem dak il-karattru li fl-entità tiegħu,
li hi differenti minn tiegħi, ikun jixbahni iktar mill-oħrajn. Per eżempju,
f’Ilkoll ta’ Nisel Wieħed, nara l-aktar lili nnifsi f’Nada.
Fir-rumanz Fiż-Żifna ta’ l-Ibliet (Bugelli, 1995), hemm Iris.
13. Fil-kultura tagħna
kważi nistagħġbu meta xjenzjata bħalek timpenja ruħha sew fil-letteratura.
Kemm huma verament differenti
minn xulxin ix-xjenza u l-arti? Kemm hemm stħajjil fix-xjenza u kemm hemm
dixxiplina fl-arti, fil-letteratura?
Ix-xjenza u l-arti huma t-tnejn prodott tal-moħħ uman. It-tnejn huma bbażati
fuq il-kreattività. Fihom naraw il-kreattività taħt forom differenti,
imlibbsa differenti. Imma tibqa’ l-istess kreattività. Fix-xjenza hemm iktar
dixxiplina. Iżjed oġġettività. Dak li ma tipprovax fiż-żgur, b’esperimenti,
ma tantx jgħodd għall-pubblikazzjonijiet xjentifiċi. L-arti hija iktar
suġġettiva. Hemm iżjed libertà ta’ l-espressjoni. M’hemmx għalfejn tipprova
kull ma tikteb. Imma l-qofol tat-tnejn hija l-kreattività. Ix-xjentist li
mhux artist m’huwiex veru xjentist. Jien kelli x-xorti li nsib sfog
għall-kreattività tiegħi fit-tnejn u neħtieġ iż-żewġ forom t’espressjoni
f’ħajti.
14. Għalkemm Ilkoll
ta’ Nisel Wieħed qajla jista’ jissejjaħ rumanz femminista, fis-sens li
jħaddan u jippromwovi xi waħda mill-friegħi ta’ l-ideoloġija femminista,
xorta waħda joffri rakkont mill-perspettiva ta’ żewġ nisa, Erica u Nada.
Kemm hu importanti għalik li storja tirrakkontaha mill-perspettiva ta’ mara?
Erica
u Nada, bħala omm u bint, għandhom karattri differenti ħafna minn xulxin.
Erica timxi iżjed mal-kurrent tal-ħajja ta’ madwarha. Għalkemm tista’ tagħti
l-impressjoni, li tixtieq tħaddan hi stess, li timxi b’rajha f’idejha, taf
li fil-fond ta’ qalbha dan mhux minnu. Erica dejjem ħalliet ħajjitha
titmexxa mir-rġiel li ħabbet. U tant kienet drat tagħmel hekk li ma kinetx
taf timxi xort’oħra. Meta ħadet rajha f’idejha, ġabet iżjed għelt u tifrik
f’ħajjitha. Nada differenti minnha fis-sens li dejjem għażlet hi kif tmexxi
ħajjitha. Kienet tagħmel ħilitha biex tagħraf kemm tista’ t-triq li l-iżjed
tgħodd għaliha, imbagħad meta tiddeċiedi, timxi ‘l quddiem fid-direzzjoni li
taqbad. Tħares lura biss biex ma tirrepetix l-iżbalji li tkun għamlet u mhux
biex toqgħod tibki xortiha. Żewġ nisa b’viżjoni daqshekk differenti, mhux
tal-ħajja, iżda ta’ kif imexxu ħajjithom, joħolqu perspettivi differenti
fir-rakkont. Fil-kitba ta’ dan ir-rumanz, bħala mara li ili ħajti kollha
ngħarbel il-qagħda tal–mara fis-soċjetà, kien importanti ħafna għalija li
r-rakkont isir mill-perspettiva ta’ mara, Nada, li tipprova tifhem u tiċċara
l-isfumaturi fil-perspettivi taż-żewġ nisa, Nada u Erica.
15. “Biex isseħħ
l-emanċipazzjoni tal-mara,” tgħid Nada lil Claud, “l-ewwel trid titwettaq
l-emanċipazzjoni tar-raġel għax hu qiegħed f’ras is-soċjetà.” (p.89)
X’tikkummenta?
Jiena nħoss li kemm il-mara kif ukoll ir-raġel għandhom il-ħtieġa ta’
l-emanċipazzjoni, mhux biss bħala proċess ta’ żvilupp kontinwu fis-soċjetà,
iżda biex jifhmu aktar lil xulxin u biex ikunu f’relazzjoni aħjar mal-wild
tagħhom. Kemm-il darba staqsejt lili nnifsi sa fejn tista’ tasal il-mara, u
kemm trid tbati biex tasal, u kemm trid iddum ma tasal biex tikseb il-veru
emanċipazzjoni jekk tibqa’ taqdef waħedha mingħajr ir-rifda tas-soċjetà? U
f’ras is-soċjetà m’hemmx il-mara u r-raġel, kif inhu xieraq, iżda r-raġel
biss.
16. X’tip ta’
relazzjoni għandek mal-qarrejja tiegħek?
Nieħu gost nisma’ kummenti minn qarrejja
b’livelli ta’ edukazzjoni differenti. Naf li l-kotba li nikteb jistgħu
jinqraw f’livelli differenti. Tinżel fil-fond kemm trid fil-karattri.
Naffaxxina ruħi bid-diversità tal-karattri tal-bnedmin u fl-istess ħin
niskanta kemm għandna kwalitajiet komuni għal xulxin. Naħseb bħal ħafna
awturi oħrajn, nixtieq niżviluppa dejjem aktar ir-relazzjoni tiegħi
mal-qarrejja.
17. Il-kittieba mhux
bilfors ikunu kapaċi bħala kritiċi jew bħala għalliema tal-kitba, u
bil-maqlub. Għalliem jew għalliema ta’ l-arti mhux bilfors tkun artista
prima. Huma kompetenzi differenti, imma Nada tippretendi li l-artist li
jgħallimha jkun ukoll artist prim (p.131). X’tikkummenta?
Naqbel miegħek. Huma kwalitajiet
differenti, b’kompetenzi differenti. Imma Nada kienet, jew xtaqet, tqis
l-artist li kien jgħallimha primarjament bħala artist, u għaliha artist jew
ikun awtentiku u għalhekk prim, jew m’hu artist xejn. Nada esiġenti ħafna
kemm magħha nnifisha kif ukoll ma’ l-oħrajn. Din l-isfumatura fil-karattru
tista’ titqies bħala preġju minn xi wħud; minn oħrajn tista’ titqies
b’difett. Imma personalment naħseb li n-nies li jirnexxu huma esiġenti
magħhom infushom. Tista’ tkun esiġenti miegħek innifsek u ma tkunx esiġenti
ma’ l-oħrajn? Ma nafx.
18. Għalkemm imkien
ma jintqal, fir-rumanz jidher li l-belt iċ-ċkejkna hija fil-fatt Malta (fost
l-oħrajn, p.100). Imma mill-mod kif jitkellem fuq din il-belt ir-rumanz,
bir-referenzi għas-skiet, in-natura u t-twemmin, iġegħelna naħsbu f’raħal
agrikolu… Imma din mhix il-Malta tal-lum, żgur.
Forsi hija ‘l Malta li kultant nixtiequ. X’taħseb?
Jiena trabbejt f’raħal agrikolu u ngħix
fil-kampanja u għadni nista’ nduq mill-fdalijiet tas-skiet u tas-seħer
tan-natura, għalkemm b’ħasra ma nistax ngħid li m’humiex xi ftit mittiefsa
ukoll fejn ngħix jien. Naħseb li min jgħix fl-ibliet f’Malta ma tantx jista’
jifhem dan li qed ngħid. Malta fadlilha faċċata oħra, kwieta u mingħajr
id-dħaħen bla qies tal-karozzi għal min irid ifittixha, imma wisq nibża’ li
jekk nibqgħu sejrin hekk, bla sens ċiviku u mingħajr għożża għall-ambjent li
jagħtina n-nifs, ma jdumx ma jifdal xejn.
19. Nada ma tibqax
tqis il-belt il-kbira bħala “biċċa art barranija għaliha”
(p.137). Imma fl-istess ħin ma tridx tibqa’ tgħix fiha.
Għaliex? Minħabba n-nanna biss?
Minħabba n-nanna li kellha bżonnha,
minħabba l-kwalità tal-ħajja fil-qalba tan-natura li kienet taf hi u li kien
jaf in-nannu 'l bogħod mill-belt il-kbira, minħabba l-ġibda ta’ l-għeruq
tagħha f’art twelidha. Nada għamlet l-għażla li ħasbet li l-aktar tgħodd
għaliha.
20. Kemm jibqgħu
tiegħek, immexxijin minnek, il-karattri li toħloq?
Kultant qishom jieħdu r-riedni f’idejhom u
bilkemm ma nħossnix qisni qegħda nsegwi x’qiegħed jiġri minnhom. B’daqshekk
ma rridx infisser li l-awtur, waqt li jkun qiegħed joħloq, ikabbar u jmexxi
fil-ħajja tagħhom il-karattri tiegħu, ikun passiv. Għall-kuntrarju hija
attività mentali akuta ħafna.
21. Kif inhuma simili
jew differenti minn xulxin in-nanna, Erica u Nada?
Huma simili għaliex huma tliet nisa li
qegħdin kontinwament jipprovaw jgħixu, bl-aħjar mod li jifhmu huma,
ir-realtà ta’ ħajjithom. Huma differenti daqskemm huma differenti r-rotot li
jaqbdu. Huma simili fir-rabta ta’ ħajjithom ma’ tan-nannu u huma daqshekk
ieħor differenti fir-relazzjonijiet individwali u distinti li kellhom
miegħu. In-nanna kienet l-iżjed waħda li għexet fid-dell tan-nannu, għalkemm
jidher ċar li ħajjitha kienet tagħha, intatta u kienu jirrispettaw ħafna
l-ispazju ta’ xulxin. Erica irribellat u ċaħdet l-influwenza tan-nannu b’mod
konkret u mingħajr ekwivoċi. Nada għarfet l-għerf tan-nannu u pprovat tuża
l-influwenza tiegħu f’ħajjitha bħala esperjenza unika biex tgħinha tilħaq
aħjar l-ideali tagħha.
©
Intervista ta'
Adrian Grima
Marzu
2003
Uħud
mill-poeżiji ta' Rena Balzan fuq l-internet issibuhom hawnhekk:
Ilwien Moħbija |