|
Il-Vjaġġ Lilhinn ta’ Odissews |
||
|
|
Il-qofol tal-kunċett ta’ “Mediterran” jinsab fiċ-ċaqliq li seħħ u fit-taħlit bejn il-ġnus differenti li hu riżultat ta’ dan iċ-ċaqliq. Ma nistgħux ngħidu li l-Mediterran huwa “culture area” waħda u sħiħa, għax il-kulturi tal-ġnus fi ħdanu huma differenti. Iżda jekk inqisu li dawn il-ġnus Mediterranji ilhom jinnegozjaw u jitkellmu bejniethom, jaħkmu u jikkonvertu ‘l xulxin, jiżżewġu l-ġirien tagħhom u jemigraw fl-artijiet ta’ xulxin, għal madwar sitta jew sebat elef sena, allura jkollna bilfors nikkonkludu li t-terminu “Mediterran” għandu tifsira antropoloġika partikulari.
Imkien daqs il-Mediterran ma kien hemm popli u razez li, għal sekli shah, tħalltu bejniethom u ħabbtu wiċċhom ma’ xulxin: m’għandniex nagħtu importanza żejda lin-nuqqas ta’ qbil u d-differenzi ta’ bejniethom. Wieħed mill-elementi ewlenin li huma tipiċi tal-Mediterran huwa propju dan il-proċess kontinwu ta’ ċaqliq u taħlit bejn kulturi differenti.
Il-Vjaġġ Lilhinn ta’ Odissews
Il-vjaġġ fiżiku wassal biex il-bniedem wettaq vjaġġ spiritwali. Fl-epiċi l-kbar tal-letteratura tal-Mediterran hemm il-vjaġġ li jieħu lill-bniedmin lilhinn mill-ħajja, fis-Saltna tal-Mejtin, in-nekya. Omeru jqiegħed iż-zjara tal-protagonista f’Ħades f’post importanti fin-nisġa ta’ L-Odissea. Permezz ta’ dan il-vjaġġ, Odissews jitgħallem jirbaħ ix-xewqa li jmut li hemm fih.
Għall-Griegi tal-qedem il-mewt tfisser mistrieħ minn din id-dinja kaotika mimlija tbatija. L-abitanti ta’ Ħades tolqothom il-poeżija ta’ Odissews, il-mod kif jirnexxilu jbiddel it-tbatija f’poeżija u b’hekk isebbaħha. Il-Griegi, kif jidher diġà fi Platun u Aristotli, kienu interessati fit-tiftixa ta’ dak li hu veru, li għalihom kien anki s-sabih. Għalhekk Odissews kien it-tlaħħim ta’ dak kollu li huma kienu jixtiequ jiksbu mill-investigazzjonijiet filosofiċi li kienu jwettqu: jiġifieri li jsibu dak li hu veru u fl-istess hin sabiħ.
Din is-sejba tal-verità Odissews jagħmilha permezz taż-żjara tiegħu f’Ħades. Fir-reliġjonijiet tal-Lvant Imbiegħed wieħed jiltaqa’ mal-metanoia. L-Upanishads jitolbu metanoia, “a total change of mind, a passage from rational knowledge to intuitive wisdom.”
F’Upanishad qasira, imsejħa “Katha Upanishad,” niltaqgħu ma’ żagħżugħ jismu Nachiketas, li jinżel fis-Saltna tal-Mejtin biex jirċievi ordnijiet mingħand Yama, l-alla tal-mewt. F’kull tradizzjoni reliġjuża importanti, biex wieħed jaħfen il-verità aħħarija, irid jgħaddi mill-mewt. Għalhekk, f’L-Enejde ta’ Virġilju, Eneas jinżel fid-dinja ta’ taħt, u Dante jmur fl-Infern f’La Divina Commedia.
Il-vjaġġ ta’ Dante huwa kollu kemm hu vjaġġ spiritwali, it-triq li jterraq midneb biex jilħaq l-istat ta’ grazzja li jinkiseb meta l-bniedem jissaffa għal kollox mid-dnub fil-Ġenna. Is-”selva oscura” li fiha ma setax jara sew mnejn kellu jgħaddi m’hi xejn għajr xbieha tal-bniedem li jitlef l-istat ta’ grazzja minħabba d-dnub. Biex jissaffa minn dan id-dnub, Dante jeħtieġlu jterraq fil-”bolge” ta’ l-Infern biex fl-aħħar jasal fil-post fejn jiltaqa’ wiċċ imb’wiċċ mal-verità assoluta.
Il-Magħmudija
Il-vjaġġ fis-Saltna tal-Mejtin huwa implikat ukoll fit-tifsira tal-magħmudija nisranija: “Ma tafux li aħna, li konna mgħammdin fi Kristu Ġesù, fil-mewt tiegħu konna mgħammdin? Konna midfunin miegħu bil-magħmudija fil-mewt, biex bħalma qam Kristu mill-mewt b’sebħ il-Missier, hekk aħna wkoll nimxu f’ħajja ġdida” (Rum 6, 3-4).
Skond Saydon, “il-magħmudija kienet issir bil-għadis fl-ilma. Il-għadis kien xbiha tal-mewt u d-difna ta’ dak li qiegħed jitgħammed; u t-tlugħ mill-ilma xbieha tal-qawmien mill-mewt u tal-bidu ta’ ħajja ġdida; l-ilma qisu Kristu stess; għalhekk in-nisrani kien jitgħammed fi Kristu, jingħaqad u jitwaħħad miegħu. Għalhekk il-magħmudija hija l-għaqda tan-nisrani mal-mewt ta’ Kristu li ħelisna mid-dnub b’mewtu. Jekk il-magħmudija hi mewt, mela n-nisrani hu mejjet għad-dnub.” Il-vjaġġ fil-mewt permezz tal-magħmudija jwassal lin-nisrani għall-verità, għall-grazzja li jkun ħieles mid-dnub. F’dan ir-ritwal, l-ilma jsaffi, anzi huwa identifikat ma’ Kristu stess.
Nachiketas jistaqsi lil Yama: x’hemm lilhinn mill-mewt? Din il-mistoqsija l-bniedem ilu jistaqsiha minn dejjem. “Dan it-tagħlim ma tistax tiksbu permezz ta’ l-argumenti,” iwieġeb Yama. “Dan it-tagħlim jinkiseb biss mingħand min ġarrab diġà dan il-misteru, mingħand min għadda mill-mewt għal ħajja ġdida.”
Il-Pellegrinaġġ
Fil-vjaġġ lilhinn mill-mewt li jwettaq Odissews tinġabar it-tifsira kollha ta’ l-odissea tiegħu. Odissews jagħmel għaxar snin ibaħħar minn art għal oħra bit-tama li fl-aħħar jasal f’art twelidu, f’daru, fejn jaf li se jsib il-mistrieħ, l-istabilità u s-sigurtà. It-tiftixa tiegħu għal dan is-sliem aħħari hija metafora tal-vjaġġ tal-bniedem f’din id-dinja imperfetta u xbieha tat-tiftixa kontinwa għas-sigurtà u l-kenn. Għal Odissews did-destinazzjoni tant mixtieqa tinsab f’din id-dinja, f’post partikulari jismu Itaka. Għal Sinbad, il-Musulman, il-bniedem li jemmen fl-Alla tas-Semiti, il-genna tinsab lilhinn minn din id-dinja.
© Adrian Grima
Mit-tezi mhux ippubblikata tal-BA (Hons.) ‘Il-Mediterranjetà tal-Poeżija Maltija: Il-Vjaġġ’ (1991), Adrian Grima, L-Università ta' Malta. Artiklu ppubblikat f’Taħt il-Power Station, Nru. 2, Marzu, 1996
|
|